Il-proġett Malti li għandu l-għan li jtejjeb l-immaniġjar tal-ilma fil-gżejjer u f’żoni kostali għadu kif ġie rikonoxxut mill-Union għall-Meditteran, għaqda influwenti li tgħaqqad il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea u dawk tal-Mediterran.
Dan ir-rikonoxximent isaħħaħ l-importanza tal-proġett Malti fil-Mediterran u jagħmel aċċenn fuq il-potenzjal li proġett jservi ta’ mudell għall-pajjiżi oħra fir-reġjun.
Is-Segretarju Ġenerali tal-Union għall-Meditteran, Nasser Kamel, faħħar bis-sħiħ il-ħdima ta’ Malta f’dan il-qasam, fejn qal kif pajjiżna qed ikun ta’ eżempju għall-pajjiżi oħra fejn jidħol l-immaniġjar tal-ilma u li dejjem ikun minn ta’ quddiem f’din l-għaqda.
“Malta is playing a very important role of how to manage water resource and actually the life integrated project a very good example in maniging its river basin in a way that it could be used by all the union”, stqarr Nasser Kamel.
Preżenti għall-għoti ta’ dan ir-rikonoxximent f’Barċellona, il-Ministru għall-enerġija u ilma, Joe Mizzi, flimkien mas-Segretarju Ġenerali ddiskutew l-importanza tal-proġett Malti, li mhux biss ser iservi għall Malta iżda wkoll għar-reġjun kollu kemm hu.
Il-Ministru Mizzi sostna: “Qed jingħata rikonoxximent bħala mudell effetiv li jwassal għal titjib fil-kwalità tal-ilma waqt li jnaqqas ukoll il-konsum. Dan il-mudell imbagħad jintuża u jiġi impementat f’pajjiżi oħrajn madwar il-Meditterran u anke wkoll fl-Ewropa.”
Fil-konferenza l-Ministru Mizzi qal ukoll kif dan ir-rikonoxximent jinkoraġġixxi iktar ħidma u koperazzjoni reġjonali bejn l-istati membri kif ukoll il-ħolqien tal-Aġenda Reġjonali dwar l-Ilma.
Dan huwa l-ewwel proġett Malti li ngħata dan ir-rikonoxximent mill-union għall-Meditteran, u huwa wkoll proġett importanti, li jista’ jappoġġja l-iżvilupp tal-Aġenda fil-Mediterran fil-qasam tal-ilma.