It-teħid tad-droga kokaina żdied b’aktar mid-doppju bejn l-2006 u l-2017 filwaqt li fl-istess perjodu ġie rreġistrat tnaqqis sinifikanti fit-teħid tal-eroina.
Dan ħareġ minn rapport nazzjonali li ppubblika l-bord nazzjonali għall-vizzji.
Ir-rapport jgħid li l-biċċa ‘l kbira ta’ dawk li abbużaw mid-droga kokaina kienu rġiel.
Fil-fatt dawn kienu jgħoddu għal 82%, bi 18% l-oħra jkunu nisa.
Min-naħa l-oħra t-teħid tal-eroina għalkemm naqas, xorta rapport jisħaq li l-użu tagħha għadu għoli.
Hawnhekk ukoll l-irġiel huma fil-maġġoranza fejn in-nisa li jieħdu l-eroina huma biss 19%, għal kontra tal-81% tal-irġiel.
Carlo Olivari D’Emanuele, wieħed milli ħadem fuq dan ir-rapport spjega kif qed jaraw żieda ta’ nies jitolbu għal għajnuna. Huwa spjega li “Il-maġġornaza tan-nies li għadhom qed ifittxu l-għajnuna minħabba li l-eroina għadha d-droga primarja tagħhom li qegħdin naraw bħala problema. Biss qed jiżdiedu anke n-nies, speċjalment fejn jidħlu n-nies ġodda li qed ifittxu l-għajnuna kull sena, qegħdin narawhom jiżdiedu fejn tidħol il-kokaina.”
Sadanittant il-kannabis baqgħet l-iktar droga mfittxija. Dan hekk kif studju għall-2013 wera li ftit aktar minn 4% ta’ dawk bejn it-18 u l-65 sena wieġbu li xi darba f’ħajjithom għamlu użu mid-droga kannabis.
Min-naħa tiegħu, Carlo Olivari D’Emanuele kompla jispjega x’wassal għaċ-ċaqliq fis-suq kriminali tad-droga. Huwa sostna: “Ħafna drabi tkun sitwazzjoni ta’ availability, x’ħa jsibu n-nies fis-suq, x’jistgħu jixtru, x’qed jagħmilhom differenti fejn jidħlu d-drogi, biss nistgħu ngħidu li kemm l-eroina u kemm il-kokaina fl-aħħar mill-aħħar xorta n-nies qegħdin iħossuhom li qed toħolqilhom problemi.”
Anki l-użu tad-droga sintetika tissemma hekk kif fl-2017 kien hemm 9 qabdiet ta’ droga sintentika li ammontat għal 14-il kilogramma.
Filwaqt li n-numru ta’ overdose naqsu, sentejn ilu, il-pulizija stabilixxiet ħames imwiet ikkawżati direttament mit-teħid tad-droga.
Intant waqt il-preżentazzjoni tar-rapport il-Ministru għas-Solidarjetà Soċjali, Michael Falzon, ħabbar li s-sena d-dieħla l-Gvern se jkun qed jiftaħ ċentru għar-rijabilitazzjoni tad-droga b’investiment ta’ tliet miljuni u nofs ewro.
Il-Ministru Michael Falzon stqarr li “Għall-ewwel darba se jkollna ċentru li jicaterja għal dawk li huma żgħażagħ taħt it-tmintax, minuri li għandhom problema tad-droga. Il-ġleda tibqa’ hemm, ġlieda fis-sens ovvjament li wieħed jara kif se jippreveni u rridu wkoll naraw illi fejn hemm tibdil anke nġibu l-liġi tagħna up-to-date.”
Il-Gvern bi ħsiebu wkoll jirriloka d-Detox f’post ieħor ċentrali li preżentament imorru fih 750 ruħ kuljum.