Mal-erba’ mitt pazjent f’pajjiżna qed jieħdu l-mediċina tal-kannabis u b’hekk ukoll għandhom tama għal ħajja aħjar. Id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne qal li tnejn u tletin tabib qed jagħtu l-kannabis mediċinali, wara li kienet emendata l-liġi mill-Parlament Malti fl-elfejn u tmintax.
Innota li dan il-qasam qed jaffaċċja numru ta’ sfidi, u tenna l-bżonn li l-Gvern jaħdem id f’id mat-tobba u l-awtoritajiet konċernati biex dawn id-diffikultajiet jingħelbu għall-ġid tal-pazjenti u l-industrija stess.
“Importanti li wieħed ikun jaf li l-kannabis bħala mediċina għandha l-użu speċifiku tagħha, għandha l-indikazzjonijiet speċifiċi tagħha u mhix kura għal kollox jiġifieri l-użu tal-kannabis għal skopijiet mediċinali jrid jintuża b’mod fuq parir tat-tabib u mhux minflok mediċini oħrajn li nafu li jaħdmu.”
Tenna fuq l-importanza li l-pazjenti jingħataw l-edukazzjoni meħtieġa fuq l-użu tal-kannabis mediċinali.
Qal ukoll li huwa importanti li ssir iżjed riċerka ħalli jkun hemm l-evidenza klinika fuq din il-mediċina, ħalli aktar professjonisti mediċi jkollhom fiduċja fiha.
Semma wkoll il-ġlieda kontra l-prodotti foloz li jitfgħu dell ikrah fuq l-industrija, għaldaqstant qal li l-ħidma hija id f’id mar-regoli tal-Awtorità tal-Mediċini biex jiġi assigurat is-sigurtà tal-prodott.
“Wieħed irid joqgħod attent li l-prodotti li juża jkunu prodotti li jinxtraw mingħand l-ispiżjara għax hawn ħafna prodotti li tista’ ssibhom minfuq l-internet li mhumiex ġenwini allura importanti li l-pazjenti li jkollhom bżonn il-mediċina jeħduha fuq parir tat-tabib u jixtruha mingħand l-ispiżjar.”