It-Tlieta filgħaxija fil-Parlament għaddiet il-liġi tal-kera li se tidħol fis-seħħ mill-bidu tas-sena d-dieħla. Din il-liġi li issa jonqosha biss il-firma tal-President wara li għaddiet anki mill-istadju tat-tielet qari se tagħti s-serħan tal-moħħ lis-sidien tal-proprjetà iżda anki lill-inkwilini.
Il-Gvern laqa’ b’sodisfazzjoni l-approvazzjoni ta’ din il-liġi, bis-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-akkomodazzjoni soċjali Roderick Galdes jisħaq li dan il-pass legali hu wkoll parti minn strateġija wiesgħa li l-Gvern għandu fir-rigward tal-housing.
“Fejn għall-ewwel darba ħa jkollna leġislazzjoni li tirregola s-suq tal-kera u ċertament meta wieħed jara u janalizza mod kif ħdimna u kif issa l-proċess mexa ħarir illum nista’ ngħid li għandna liġi li hija wkoll liġi tajba ħafna kumparat ma’ dak li hemm fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea”.
Fi stqarrija, Roderick Galdes qal li għal din il-liġi tal-kera saret konsultazzjoni wiesgħa ma’ stakeholders. Spjega kif ħa tibda kampanja ta’ informazzjoni biex iċ-ċittadini jkunu informati dwar il-liġi l-ġdida hekk kif hemm sena ċans biex wieħed jirreġistra kuntratt tal-kirja.
Hawnhekk spjega kif l-affarijiet se jiġu faċilitati. “Ir-reġistrazzjoni tant ħa tkun faċli li sempliċiment mid-dar tiegħek, online tkun tista’ tagħmilha mingħajr ebda problemi ta’ xejn.”
Skont klawsoli li daħlu fil-liġi, u li għalihom il-Gvern ivvota favur filwaqt li l-Oppożizzjoni astjenit, dawk is-sidien li ma jkollhomx kuntratt legali, il-kirja ssir b’kuntratt għal sena u b’ħamsa u sebgħin fil-mija tal-kera skont is-suq.
Dan minbarra li filwaqt li l-Gvern aċċenna li din il-liġi hija bilanċjata u tieħu ħsieb anki lil dawk l-aktar vulnerabbli, ħmistax-il għaqda soċjali kienu sostnew li jinsabu perplessi bl-argumenti tal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia li oppona klawsoli għal diċenza bażika fis-suq tal-kera.