Malta Public Transport installat stazzjon ġdid għar-roti elettriċi fl-Università ta’ Malta biex tagħmilha aktar faċli għall-istudenti li jivvjaġġaw bejn il-Belt u l-Università. Fi stqarrija, Malta Public Transport spjegat li Tallinja Bike se toffri soluzzjoni konvenjenti u rħisa. Is-sistema teħtieġ reġistrazzjoni ta’ darba biss li ssir mal-istazzjon innifsu u l-istudenti jistgħu minnufih jibdew isuqu r-rota li tkun disponibbli. Meta jaslu fid-destinazzjoni tagħhom, imbagħad, jerġgħu sempliċiment idaħħluha fl-istazzjon.
“L-introduzzjoni ta’ Tallinja Bikes mhijiex biss miżura prattika biex tnaqqas il-koġestjoni tat-traffiku fl-università u l-madwar,” spjega Ignacio Munoz, Product Manager, “Hija wkoll sinjal ċar minn Malta Public Transport li l-kumpanija hija impenjata li tinvesti f’soluzzjonijiet ġodda u eko-sostenibbli.”
L-istazzjon ta’ Tal-linja Bike fl-università ġie inawgurat fil-bidu tas-sena akkademika ġdida f’Ottubru u huwa l-ewwel estensjoni tas-servizz ‘il barra miż-żona tal-Belt. Stazzjonijiet oħra bħalissa jinsabu l-Venda tal-Belt, ħdejn il-Lift tal-Barrakka, il-Valletta Waterfront, Forti Sant Iermu, it-Terminal tal-Lanċa f’Marsamxett, u l-Park & Ride tal-Furjana.
Sabiex tkompli tinċentiva l-użu ta’ dawn il-mezzi li ma jniġġsux, Malta Public Transport qed toffri skont ta’ 50% lil studenti li jħallsu bit-Tallinja Card.