Studenti fl-istitut għall-istudji turistiċi ngħataw togħma ta’ x’karrieri hemm jistennewhom ġa la darba jtemmu l-istudji tagħhom b’suċċess.
Rappreżentanti minn 29 kumpanija fl-industrija tal-ivvjaġġar, l-ospitalità u t-turiżmu ħadu sehem fl-Industry Day li għal sena oħra saret fil-kampus tal-ITS f’Ħal Luqa.
Il-Kap Eżekuttiv tal-ITS is-Sur Pierre Fenech spjega li dan il-Jum għaqqad l-inudstrija turistika mal-ħaddiema ta’ għada.
Fenech spjega: “Ikollhom l-opportunità li jiltaqgħu mal-industrija, jitkellmu u jaraw x’opportunitajiet hemm u ideally jibdew anke mill-ewwel sena biex jibdew jaħdmu u dak li jkunu jitgħallmu hawn jesperjenzawh fl-industrija.”
Rappreżentanti ta’ kumpaniji, li tkellimna magħhom, spjegaw xi kwalitajiet ifittxu fl-istudenti interessati f’karriera f’dan il-qasam.
Uħud mill-lukandiera sostnew ma’ ONE News:
“Għatxana biex jitgħallmu, b’attitudni tajba u jħarsu ‘l quddiem li għada pitgħada jilħqu iktar fil-karriera tagħhom.”
“L-interess fl-industrija u li jifhmu li l-industrija hija industrija sabiħa u b’ħafna opportunitajiet.”
“Nies li jħobbu jkunu ma’ nies minn kulturi differenti għax aħna naraw nies minn pajjiżi diversi u ovvjament għandna bżonn ħiliet tekniċi.”
Matul il-jum l-istudenti setgħu mhux biss isiru jafu l-karrieri disponibbli wara li jiggradwaw, iżda anke ġew offruti prova tax-xogħol ma’ kumpanija fl-industrija bħala parti mill-kors tagħhom.
Bl-istudenti jesprimu s-sodisfazzjon tagħhom għal dan:
“Ma tidħolx kompletament blind. Tkun taf diġà kif jaħdmu l-affarijiet hemmhekk.”
“Hija ħafna sabiħa li tiltaqa’ ma ħafna nies differenti għax fl-aħħar mill-aħħar dejjem titgħallem affarijiet ġodda.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Maltija għal-Lukandiera u r-Ristoranti, l-MHRA, Andrew Agius Muscat tkellem dwar il-bżonn ta’ riżors uman ikbar fil-kuntest ta’ industrija turistika li qed tesperjenza tkabbir bla preċedent.
Muscat stqarr: “Dan l-aħħar snin l-industrija kibret u allura l-bżonn li ninvestu fiż-żgħażagħ tagħna. Aħna bħala settur, bħala employers nissapportjaw inizjattivi bħal dawn għaliex kull min jibda’ jistudja u din narawha fl-ITS mill-ewwel sena jkun hemm opportunitajiet ta’ xogħol u taħriġ għalihom.”
Tul il-jum kien hemm preżenti wkoll numru ta’ guidance teachers minn skejjel sekondarji sabiex jieħdu togħma tal-opportunitajiet fl-industrija għall-benefiċċju ta’ studenti interessati li bħalissa jinsabu fl-edukazzjoni sekondarja.