Il-Girgentina, ix-Chardonnay, il-Ġellewża u l-Merlot.
Dawn huma erba’ varjetajiet ta’ inbid ta’ kwalità, li wħud minnhom jiżbogħ it-tazzi u li llum qed jiġu rikonoxxuti mill-Unjoni Ewropea u protetti bħall inbejjed tal-ogħla kalibru fost il-pajjiżi Ewropej.
B’kollox fil-gżejjer tagħna hawn madwar tmien mitt persuna li jkabbu d-dwieli u minnhom joħorġu maż-żewġ miljun flixkun tal-inbid.
Dan kollu huwa r-riżultat tal-kampanja msejħa ‘Wines of Distinction’ mifruxa fuq sentejn, li wasslet biex tiġi mgħarrfa d-dedikazzjoni u x-xogħol kollu li jsir biex inbid ta’ kwalità bħal DOK Malta, DOK Gozo u IGT Maltese Islands jasal fuq l-imwejjed tal-ikel.
Waqt it-tieni attività tal-apprezzament għall-inbid li saret f’Ta Frenċ Għawdex, is-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri, tkellem fuq il-pjanijiet għall-futur li għandhom iwasslu biex il-produtturi jesponu x-xogħol tagħhom.
“Is-sena d-dieħla nħarsu ‘l quddiem sabiex għall-ewwel darba norganizzaw l-ewwel Agrifair nazzjonali f’pajjiżna sabiex inkomplu nagħtu l-platform neċessarju għall-prodotti lokali”
Waqt l-attività li saret is-Sibt, dawk kollha li attendew setgħu japprezzaw it-togħma tajba li toffri l-għenba magħsura Maltija.
Camilleri temm bir-ringrazzjament tiegħu lill-għassara li llum jgħoddu mat-tnax u preżentament qed jiġu kkultivati madwar erba’ mija u tletin ettaru ta’ dwieli.