It-Tnejn filgħaxija l-Parlament beda jiddiskuti żewġ abbozzi ta’ liġijiet relatati ma’ xulxin li permezz tagħhom l-ugwaljanza ser isir jedd waqt li se titwaqqaf Kummissjoni awtonoma dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Ugwaljanza.
Il-konsulent legali Desiree Attard spjegat li l-abbozz ta’ liġi dwar l-ugwaljanza se jipprojbixxi d-diskriminazzjoni, jippromwovi l-ugwaljanza u jħares lill-bniedem f’iktar oqmsa tal-ħajja. Il-liġi tidenfika karateristiċi bħas-sess u r-reliġjon fost oħrajn. Attard qalet: “Ma tistax tiġi diskriminat fl-aċċess tas-servizzi eżempju. Ma nistax niġi ddiskriminat u ma nagħtiex servizz ta saħħa għax jien mara eżempju.”
L-abbozz l-ieħor se jwassal għat-twaqqif ta’ Kummissjoni awtonoma għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Ugwaljanza li se tieħu post il-Kummissjoni Nazzjonali għall-promozzjoni tal-Ugwaljanza.
Il-Kummissjoni se tkun istituzzjoni nazzjonali li l-Kummissarju tagħha se jkun eletta mill-Parlament b’żewġ terzi tal-kamra biex jassigura li ma jkollha x’taqsam mal-ebda Gvern. B’dan il-mod il-Kummissjoni se twieġeb biss lill-Parlament.
Il-Kummissjoni se tkun għassies fuq il-Gvern f’dan il-qasam u se tkun tista’ tagħti r-rakkomandazzjonijiet u l-fehmiet tagħha wara li tisma’ każijiet ta’ diskriminazzjoni u ksur tad-dritt għat-trattament indaqs.
Hija qalet: “Il-bord tajnih l-possiblità li tkun flessibli jew tirremdja ez jekk tkecciet min xogħol terga’ tidhol. Jew inkella danni ta’ għaxart elef ewro.”
Il-Ministru għall-ugwaljanza Edward Zammit Lewis qal li ż-żewġ abbozzi għaddew mill-għarbiel tal-Kummissjoni Venezja. Qal li l-ħidma fuqhom damet għaddejja ħames snin, sabiex il-Gvern ikompli jaħdem għall-iktar ugwaljanza.
Il-Ministru Zammit Lewis qal: “Qed imorru oltre minn dak li għamlet il-Kummissjoni Ewropea. Iridu niġu best practice. Anki l-kummissjoni Venezja qaltilna li aħna qegħdin tajjeb u qegħdin nuru bil-fatti li aħna Gvern li jwettaq.“