Fi tmiem il-ġimgħa li għadda qasmu l-fliegu mat-tnejn u sittin elf passiġġier.
Dan hekk kif l-erbà vapuri li għandha l-kumpanija Gozo Channel operaw xejn inqas minn mitejn u disgħin vjaġġ fejn għal xi ħin il-vapuri ħadmu mingħajr skeda u bdew ġejjin u sejrin biex ilaħħqu mad-domanda.
Fi stqarrija, il-Ministeru għal Għawdex qal li dan reġa’ kien tmiem mill-ġimgħa mill-aqwa għall-gżira tat-tliet għoljiet hekk kif it-tfal għadhom bil-vaganzi ta’ Novembru.
Fil-fatt it-tfal ma kinux skola fil-jum tal-Ġimgħa u anki f’dawn l-ewwel jumejn tal-ġimgħa biex b’hekk aktar familji għażlu li jqattgħu ftit ħin ta’ kwalità f’Għawdex.
“Illum il-ġurnata m’għadniex nitkellmu fuq l-isfida tal-istaġjonalità imma lejn kif ser nattiraw turisti ta’ kwalità,” qalet il-Ministru Justyne Caruana.
Hija fakkret kif permezz ta’ numru ta’ festivals tematiċi qed jiġu attirati bosta nies.
Fil-fatt għax-xahar ta’ Novembru, li qabel kien meqjus bħala xahar kwiet, hemm xejn inqas minn ħames attivitajiet kbar li għalihom jikkonkorru anki Maltin li jagħżlu li jiddevertu u jkollhom ftit ħin tal-mistrieħ fil-gżira Għawdxija.
Għax-xahar ta’ Novembru ser jiġu organizzati dawn l-attivitajiet:
- Is-Sibt 9 u l-Ħadd 10 ta’ Novembru – ‘Sound of Music’ fl-Oratorju Don Bosco
- Is-Sibt, 16 ta’ Novembru – ‘HillTop Rock’ fil-pjazza tax-Xagħra
- Il-Ġimgħa, 22 ta’ Novembru – ‘Myth, Folklore & Legends Festival’, l-Għarb
- Is-Sibt, 23 ta’ Novembru – ‘Kantamagħna’ fit-Teatru Astra
- Is-Sibt, 30 ta’ Novembru – ftuħ uffiċjali tal-attivitajiet tal-Milied f’Għawdex fi Pjazza Indipendenza r-Rabat
Il-Ministru Caruana qalet ukoll li għas-sena d-dieħla l-vot għal dawn l-attivitajiet żdied.
Matul tmiem il-ġimgħa f’Għawdex ġew organizzati żewġ festivals; fil-ġonna tal-Villa Rundle sar is-Sweeth Tooth Festival, filwaqt li fiċ-Ċittadella saret attività mill-komunità Ġappuniża, li għalihom attendew numru kbir ta’ viżitaturi.