Infrastructure Malta qed tibni triq ġdida li tgħaqqad il-Qasam Industrijali tal-Imrieħel ma’ Triq il-Kanun, f’Ħal Qormi.
Din it-triq ġdida tagħmel parti minn żewġ toroq eżistenti, Triq l-Intornjatur, li tiġi bi dritt mal-Imrieħel Bypass, u Triq l-Industrija, kantuniera ma’ Triq il-Kanun. Minkejja li din il-konnessjoni kien ilha snin inkluża u skedata li tinfetaħ fil-pjanijiet lokali, baqgħet qatt ma saret, bil-konsegwenza li l-aċċess minn u lejn il-Qasam Industrijali tal-Imrieħel u l-inħawi residenjali li hemm fil-qrib baqa’ ristrett. Infrastructure Malta issa qed tibni din it-triq biex toħloq konnessjoni ġdida bejn il-Qasam Industrijali tal-Imrieħel, Ħal Qormi u Santa Venera.
Il-bini ta’ din il-medda ta’ triq ġdida bejn iż-żewġ toroq imsemmijin qed isir f’kollaborazzjoni mas-Central Business District Malta, il-fondazzjoni responsabbli mit-titjib tal-infrastruttura fil-Qasam Industrijali tal-Imrieħel. Ix-xogħlijiet li qegħdin isiru bħalissa jiffurmaw parti minn pjan ta’ din il-fondazzjoni għas-snin 2019-2022 biex jitjieb l-aċċess għal din iż-żona industrijali. Dan il-pjan jinkludi wkoll xogħlijiet oħrajn ta’ titjib fil-junctions li hemm fl-inħawi, inkluż dik bejn l-Imrieħel Bypass u Triq in-Negozju, li qegħdin jiġu ppjanati għas-snin li ġejjin.
It-Tnejn filgħodu, il-kuntratturi ta’ Infrastructure Malta bdew it-tħejjijiet biex iħaffru l-pedamenti u jgħaddu s-servizzi ġodda taħt l-art li hemm bżonn biex issir din il-konnessjoni ġdida għall-Imrieħel. Il-bini ta’ din it-triq ta’ madwar nofs kilometre jinkludi wkoll tqegħid ta’ katusi għall-ġbir tal-ilma tax-xita, bankini u sistema ġdida tad-dwal. Se jsir ukoll titjib taż-żewġ toroq eżistenti li jwasslu għaliha u l-bankini tagħhom.
“Il-pjan ta’ tliet snin biex insaħħu l-infrastruttura tal-Qasam Industrijali tal-Imrieħel se jkompli jtejjeb l-ambjent u l-kwalità tal-ħajja tal-ħaddiema u dawk kollha li jżuru n-negozji u l-postijiet tax-xogħol f’din iż-żona,” irrimarka Keith Fenech, l-Uffiċjal Kap Eżekuttiv tas-Central Business District Malta. “Billi ngħaqqdu Triq l-Intornjatur ma’ Triq in-Negozju u Triq l-Industrija se nkomplu nżidu fuq it-titjib li diġà wettaqna fix-xhur riċenti biex niffaċilitaw l-aċċess f’din iż-żona.”
Min-naħa tiegħu, l-Inġinier Fredrick Azzopardi, Uffiċjal Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta, irringrazzja lis-Central Business District għall-impenn tagħhom biex itejbu l-kwalità tal-infrastruttura pubblika fl-inħawi tal-Imrieħel. “Ix-xogħlijiet li qegħdin isiru u titjib ieħor li hemm ippjanat għal din iż-żona, li kulma jmur qiegħda dejjem tikber, se jtejbu s-sigurtà fit-triq u jipprovdu rotot alternattivi għal dawk kollha li jivvjaġġaw minnhom, mhux biss għall-ħaddiema tal-qasam industrijali. Se jibbenefikaw ukoll ir-residenti tal-inħawi partikolarment dawk ta’ Birkirkara, Ħal Qormi, l-Imrieħel u Santa Venera.”
Infrastructure Malta qed taħdem ukoll biex tibni mill-ġdid il-ħolqa ta’ toroq arterjali bejn l-Imrieħel Bypass, Birkirkara, Ħal Balzan, Ħ’Attard u Ta’ Qali, permezz tas-Central Link Project. Dan il-proġett, li ilu li beda jiġi ppjanat għexieren ta’ snin, se jtaffi d-diffikultajiet ta’ konġestjoni u tniġġis tal-arja tul din ir-rotta u f’diversi toroq residenzjali oħrajn fl-inħawi f’dawn il-lokalitajiet. Fl-istess waqt, se jipprovdi l-kapaċità u s-sostenibilità li hemm bżonn din l-infrastruttura taqdi l-ħtiġijiet tat-trasport fil-futur.
Għal aktar tagħrif u għajnuna, żur www.infrastructuremalta.com jew www.cbdmalta.org, jew ikkuntattja lil Infrastructure Malta fuq 2334 1000, info.im@infrastructuremalta.com jew fuq Facebook, Twitter u Instagram.