Il-fazzjoni ta’ Simon Busuttil fil-Partit Nazzjonalista hija diżappuntata ferm li fil-laqgħa tal-eżekuttiv ta’ din il-ġimgħa Louis Galea m’għafasx biex il-bidliet li jridu għall-istatut isiru b’mod immedjat.
Il-gazzetta KullĦadd irrappurtat li Louis Galea hu favur il-bidla li għandha tneħħi lil Clyde Puli minn Segretarju Ġenerali, għax deputati ma jitħallewx jikkontestaw il-kariga. Iżda, meta ltaqa’ l-eżekuttiv din il-ġimgħa Galea ma qal xejn, u minflok aċċetta li l-elezzjonijiet għall-karigi jkunu posposti għal Marzu.
Fl-istess waqt ma saritx l-elezzjoni għal teżorier, b’dak li kien hemm issa ilu li rriżenja diversi ġimgħat wara perjodu qasir ħafna fil-kariga.
Jirriżulta li hemm problema kbira biex jinstab xi ħadd kredibbli li jikkontesta, tant li l-ħsieb hu li din l-elezzjoni ukoll tkun posposta għal Marzu anke jekk il-post huwa battal.
Biex dak li żvelat il-gazzetta KullĦadd il-ġimgħa l-oħra dwar inkwiet ġdid fil-Partit Nazzjonalista kien ikkonfermat meta din il-ġimgħa l-Partit Nazzjonalista ppospona l-elezzjonijiet li kienu se jsiru dan ix-xahar.
Jekk jgħaddu l-proposti maħsuba, nies bħal Clyde Puli u Kristy Debono ma jkunux jistgħu jikkontestaw għall-karigi li għandhom illum.
F’dan l-istadju, il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia qed juri li lest jilħaq xi kompromessi mal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil bit-tama li jagħtuh xi ftit tan-nifs. Min-naħa l-oħra l-membri tal-fazzjoni Busuttil huma konxji li jridu jkomplu jdgħajfuh bil-għan li x’ħin jerġgħu jsibuh fuq sieq waħda, jattakkaw mill-ġdid it-tmexxija tiegħu. Bil-KullĦadd tirrapporta li d-diskors fid-Dar Ċentrali hu li Delia qed jitlef lil ta’ madwaru biex jogħġob lil ta’ kontrih.