L-iżviluppatur Għawdxi Joseph Portelli qal li se jirrinunzja l-permess ta’ żvilupp ta’ villa fl-inħawi tal-Muxi fil-Qala.
Huwa qal li qed jagħmel dan minn jeddu b’effett immedjat.
Fi stqarrija intqal li l-każ tiegħu ngħata attenzjoni mill-midja.
Fuq dan il-każ, meta nhar il-Ħamis ġie approvat il-permess mill-Awtorità għall-Ippjanar, il-Kunsill Lokali Laburista tal-Qala kien saħaq li se jappella mid-deċiżjoni u oppona bil-qawwa dan l-iżvilupp.
Il-Kunsill Lokali b’maġġoranza Laburista kien saħaq li l-post għandu jibqa’ jżomm il-karatteristiċi rurali tiegħu.
Anki l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi kienet qalet li fil-prinċipju dan l-iżvilupp huwa inaċċettabbli.
Iċ-Chairman tal-ERA, il-Professur Victor Axiak ivvota kontra l-iżvilupp propost.