Persuna mill-Ġorġja ta’ 37 sena kien arrest wara li allegatament wettqet diversi serqiet minn residenzi privati fir-Rabat, Ħ’Attard, Swieqi, San Ġwann, Ħaż-Żebbuġ u Ħal Qormi.
Wara diversi jiem ta’ osservazzjoni, bl-għajnuna ukoll tal-Pulizija Distrettwali, din il-persuna ġiet arrestata f’San Ġiljan. Waqt tfittxija li saret fl-appartament fejn kienet, instabu xi affarijiet li ġew irraportati misruqin.
Aktar tard illum, għall ħabta tas-2:00 ta’ waranofsinhar, il-Pulizija se tressaq b’arrest lil din il-persuna quddiem il-Maġistrat Victor. Axiak u takkużah b’akkużi ta’ serq, fost oħrajn.
Dan il-każ mhux wieħed iżolat iżda huwa parti minn investigazzjoni mmexxija mid-Dipartiment tal-Investigazzjoni Kriminali li ilha għaddejja diversi xhur. Il-Pulizija qiegħda żżid l-isforzi tagħha biex tkisser ċrieki ta’ kriminalità organizzata.