Matul l-ewwel disa’ xhur tas-sena, il-pensjonanti Maltin u Għawdxin ħadu flimkien kważi €21 miljun aktar mill-istess perjodu tas-sena l-oħra.
It-tielet żieda li ta l-Gvern għal din is-sena wasslet biex il-pensjonijiet kienu l-fattur ewleni għaż-żieda fin-nefqa soċjali fl-ewwel tliet kwarti tal-2019.
Statistika tal-uffiċċju nazzjonali tal-istatistika rrapportat li fl-ewwel disa’ xhur intefqu kważi €27 miljun aktar fil-benefiċċji soċjali meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena l-oħra.
L-NSO spjega li l-benefiċċji kontributorji ammontaw għal ftit aktar minn 611-il miljun ewro, 4.5% aktar mis-sena l-oħra.
Fin-nefqa tas-sigurtà soċjali kienet irreġistrata wkoll żieda fil-pensjoni tar-romol li ammontat għal kważi €4 miljun u l-bonus kontributorju li żdied b’aktar minn €2 miljun.
Il-benefiċċji mhux kontributorji żdiedu ukoll bi kważi nofs perċentwal u fl-ewwel 9 xhur tas-sena ammontaw għal kważi €142 miljun.
Fost l-oħrajn il-pensjoni tad-diżabilità żdiedet b’€2.2 miljun filwaqt li l-in-work benefit u l-benefiċċju għall-għajnuna medika żdiedu b’nofs miljun ewro kull wieħed.
Anki n-numru tan-nies li jirċievu l-benefiċċji kontributorji żdiedu fejn il-pensjonanti żdiedu bi ftit aktar minn elfejn biex sa Settembru li għadda ammontaw għal aktar minn ħamsin elf u ħames mija.
Dan filwaqt li n-numru ta’ nies li rċievew iċ-children’s allowance laħħaq il-ftit aktar minn wieħed u erbgħin elf, tnaqqis ta’ kważi elf u ħames mija.