Il-Fondazzjoni tal-Arkivji Nutarili li taqa’ fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali għadha kif ħabbret li grazzi għall-iskema Addotta Nutar/Oġġett, qiegħed jiġi rrestawrat volum tas-seklu 16 tan-Nutar Placido Abela – wieħed mill-ewwel nutara rinomati fl-istorja ta’ Malta.
“Grazzi għal din l-iskema qegħdin nirrikonoxxu l-isforzi tas-settur privat biex inkomplu nżidu l-għarfien fuq l-impotanza tar-restawr u l-konservazzjoni tal-wirt tagħna,” qal il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici waqt il-preżentazzjoni dwar dan il-volum. “Aħna ħsibna għat-tisħiħ tar-riżorsi tal-Uffiċċju tan-Nutar tal-Gvern, fejn rajna l-introduzzjoni ta’ binja ġdida li qiegħda tiġi restawrata, kif ukoll żieda fl-allokazzjoni tal-boroz ta’ studju għall-konservazzjoni tal-kotba u l-karta ta’ 25%, biex niżguraw li aktar manuskritti u volumi li dwar il-passat tagħna jkunu disponibbli,” kompla jgħid il-Ministru Bonnici.
Il-manuskritt nutarili oriġinali – MS 514 – li jmur lura għas-snin 1557-1560 jitfa’ dawl fuq l-ewwel snin tal-Ordni f’Malta, anka qabel l-Assedju tal-1565, li waqtu l-Gżejjer Maltin kienu għaddejjin proċess ta’ bidla gradwali u kontinwu. In-Nutar Abela kien imfittex minn individwi notevoli: il-klijenti tiegħu kienu jinkludu bosta Kavallieri bħal Gran Mastru de Valette, il-famuż kavallier u kursar Romegas u l- Kmandant Kavallier Couppier. Apparti minn hekk, in-Nutar Abela kienu jinqdew bis-servizzi tiegħu il-membri tal-kleru għolja, bħall-Isqof Cubelles. Din il-varjetà tal-atti nutarili tirrifletti r-rekords ta’ raġel stabbilit sew fis-soċjetà Maltij tas-seklu sittax.
Waħda mill-interventi ewlenija li qegħdin isiru mil-konservaturi tal-karta hija t-tneħħija tal-qoxra aċiduża tas-seklu 20 li kienet qed tikkawża bdil fil-kulur u t-tmermir tal-folji oriġinali; f’ċertu każijiet, il-qoxra ‘oriġinali’ ġiet imneħħija minn mat-test, bħalma sar fl-ewwel volum. Parċmina klassika bil-ġilda fuq l-istil tal-manuskritti tas-seklu 16 ġiet preparata biex tgħatti t-test. Din it-tip ta’ qoxra hija stil standard addotat mill-Arkivji Nutarili għall-kollezzjoni tagħhom.
Apparti mill-qoxra, il-volumi kollha kellhom bżonn li jitnaddfu minħabba l-ħmieġ mill-użu. Saret tiswija tal-karta b’mod estensiv kif ukoll l-iċċattjar tad-deformazzjoni li kien hemm. Il-linka ta’ xi ftit mill-folji mmermra ġiet imsaħħa u kkonsolidata. Saru kompartimenti protettivi biex jinżammu l-volumi b’mod sigur.
Dan ix-xogħol kien possibbli grazzi għal GasanMamo Insurance li jipparteċipaw fl-iskema Addotta Nutar/Oġġett. Din lpiskema tinkoraġixxi istituzzjonijiet, kumpaniji u individwi biex jew jaddottaw ġabra ta’ atti ta’ nutar li jista’ jkun ikunu jikkonsistu f’diversi volumi; jaddottaw volum wieħed li jista’ jkollu sinjifikat storiku partikolari; jew jaddottaw dokument storiku b’mod li jisponsorjawh għall-konservazzjoni u preservazzjoni futura.
Apparti l-ewwel sponsorship fl-2013 minn GasanMamo Insurance li kien għall-qxur protettivi tal-kollezzjoni, huma wkoll ‘addottaw’ dan in-nutar importanti tas-seklu 16, Placido Abela.