Għaddejjin l-aħħar diskussjonijiet dwar il-ftehim kollettiv ġdid għall-membri tal-Forzi Armati ta’ Malta.
Ftehim li se jara lil madwar 1,700 suldat ikollhom kundizzjonijiet aħjar fosthom titjieb fil-pakkett finanzarju tagħhom.
Waqt iċ-ċerimonja tal-passing out parade, il-Kap Kmandant tal-Forzi Armati, il-Brigadier Jeffrey Curmi qal li apparti t-titjib finanzjarju, l-Armata qed tara li fil-ftehim il-ġdid ikun hemm inċentivi għal min jagħmel xogħol speċjalizzat fl-Armata, bħal technicians u bdoti tal-ajru fost l-oħrajn.
Qal li kieku dawn il-persuni jmorru fil-privat jitħallsu ħafna iktar milli jitħallsu mal-Gvern. Huwa żied jgħid li l-inċentivi sabiex aktar nies ġodda jidħlu fl-armata.
Curmi stqarr: “Fil-maritime lanec joħorgu f’dik it-tbatija, qegħdin nippruvaw ninċentivaw, mhux biss ngħollu u ntejbu imma nagħmlu incentivi li ntejbu l-kundizzjonijiet.”
Intant l-Erbgħa filgħodu sittin suldat ġdid issieħbu mal-Forzi Armati ta’ Malta wara 5 xhur ta’ reklutaġġ. Fost is-suldati l-ġodda hemm 3 nisa u 8 Għawdxin.
Tkellimna ma’ l-aqwa reklutta Roxanne Micallef u Yannis Magro dwar din il-karriera ġdida tagħhom fil-militar.
Micallef qaltina: “Bqajt nirsistu u nistinka dejjem xtaqt nservi lill-pajjiż.” Filwaqt li Magro sostna: “Xi ħaġa sabiha taqdi dmierek.”
Il-Brigadier Jeffrey Curmi qal li bħalissa l-armata għandha nuqqas ta’ nies, minħabba li qegħdin jispiċċaw bil-25 sena servizz. L-armata qiegħda tagħmel reklutaġġi kontinwi ta’ gruppi żgħar ta’ nies sabiex 25 sena oħra ma jerġax ikun hemm din il-problema fejn l-armata titlef ħafna nies f’daqqa.
Il-Brigadier tkellem ukoll dwar l-investiment li qiegħda tagħmel l-armata fosthom l-ikbar patrol boat fil-flotta marittima, li bħalissa qiegħda tinbena fl-Italja.
Il-Ministru għall-intern u s-sigurtà nazzjonali Michael Farrugia faħħar ix-xogħol li qiegħda tagħmel l-armata. Qal li għaddejjien diskussjonijiet sabiex it-taħriġ li qiegħed isir fl-armata jiġi rikonoxxut.
Il-Ministru Farrugia stqarr: “Huwa kumplimentarji l-investiment li qiegħed isir fil-pulizija, AFM u CCF u CPD. Wegħedna investiment bla preċedent u żammejna mal-wegħda.”
Il-Ministru Michael Farrugia ta’ ħajr lil membri tal-Armata tal-ħidma tagħhom biex iħarsu liċ-ċittadini.