Beda jiġbed il-kotba u l-manuskritti u mbagħad reħilha għall-meravilji tal-ħajja umana.
Il-Kardinal Prospero Grech illum għandu 93 sena u ilu u għal dawn l-aħħar 70 sena ħa ħafna ritratti.
Kien jieħu ritratt ta’ dawk il-mumenti li jirnexxielhom jiġbdulu l-attenzjoni mqar għal ftit sekondi kemm jekk kienet xi fregatina ċkejkna max-xatt tas-Sliema u kemm jekk kien xi bejjiegħ rieqed waqt li jipprova jbiegħ il-pitturi.
Mill-mijiet ta’ ritratti li rnexxielu jiġbed tul il-vjaġġ ta’ ħajtu, il-Kardinal qala’ tnejn u tletin ritratt mill-arkivji personali sabiex jesebihom bil-għan li jinbiegħu b’risq il-Malta Community Chest Fund.
Il-Kardinal Grech li ffoka fuq diversi mumenti bil-kamera tiegħu saħaq li fil-ġimagħtejn li ġejjin, il-punt ċentrali mhux se jkun hu jew l-arti li ħoloq hu, iżda ser tkun l-għajnuna li ser tingħata lil Malta Community Chest Fund permezz ta’ din l-attività.
Din l-esebizzjoni li qed isseħħ taħt il-patronċinju tal-President George Vella kienet deskritta bħala ħajta deheb miżjuda fl-arazzi ta’ ħajtu.
L-Eċċellenza tiegħu l-President George Vella stqarr ma’ crew ta’ ONE News: “Qegħdin naraw dak li laqgħetlu għajnejhmatul is-snin. Hu jġorr il-kamera u malli jara l-oġġett li hu jidhirlu li jolqtu, jaqbad u jiffriżah. U hawnhekk qegħdin naraw dawk il-mumenti li fihom iddeċieda li ċerti affarijiet u ta’ min joħroġhom mill-kuntest ġenerali u jħallihom hemmhekk ifframejati biex igawdihom matul iż-żmien.”
L-esebizzjoni ser tkun miftuħa għall-pubbliku f’Sant’Anton għall-ġimagħtejn li ġejjin.