Waqt l-ewwel lezzjoni tagħha wara ħafna snin ‘il bogħod mill-formazzjoni edukattiva, rajna lil Antonia tisma’ b’attenzjoni fuq elf ħaġa marbuta max-xjenza soċjali.
Antontia qalet ma’ crew ta’ ONE News: “Biex nipprova nitgħallem xi ħaġa aħjar, dejjem ninteressa ruħi anke fl-aħbarijiet u f’xi ħaġa li tinqara. Anzi tgħallimt sa standard two, għax ma stajtx noqgħod iktar l-iskola ħabba li l-familja kbira u ridna ngħinu lill-familja.”
Qaltilna kemm dan it-tagħlim anki meta saret xiħa għakka jibqa’ jiswa mitqlu deheb.
Antonia tenniet tgħid li “Nitgħallem iktar inkun pożittiva jiġifieri li nkun naf x’qed nisma.”
Intant il-Professur tal-Ġerontoloġija Marvin Formosa spjega t-temi li l-anzjani li jgħixu fid-djar għall-anzjani jmissu magħhom fl-Università tar-raba’ età.
Formosa sostna: “L-Università tar-raba’ età tati opportunità ta’ tagħlim għal dawn il-persuni li qegħdin f’kura fit-tul. Bħala suġġetti għandna varji: mil-letteratura sa mużika sa anke storja. Jiġifieri mhix xi ħaġa medika din imma xi ħaġa ta’ tagħlim però fejn il-proċess huwa iżjed importanti mir-riżultat għaliex hawnhekk ovvjament ma hawnx eżamijiet.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, Anthony Agius Decelis qal li Malta qed tkun pijuniera u toffri opportunità anki lill-anzjani b’dipendenza fuq kura fit-tul.
Is-Segretarju Parlamentari Agius Decelis spjega: “Jitgħallmu lezzjonijiet illi forsi qatt ma kellhom iċ-ċans li jitgħallmuhom, jieħdu taħriġ f’areas illi forsi jixtiequ u qatt ma kellhom l-opportunità u issa permezz tal-Università tar-raba’ età ħa jkollhom l-opportunità li jagħmlu dan.”
Dan il-programm edukattiv se jkun qed jibda wkoll f’San Vinċenz de Paule l-ġimgħa d-dieħla.