Spiridione Agius ta’ 41 sena minn Ħal Qormi ma nstabx ħati ta’ qtil involontarju minħabba li l-Prosekuzzjoni ma ressqitx biżżejjed provi biex tissustanzja l-akkuża ewlenija li kkaġuna l-mewt ta’ Sharon Bellizzi f’inċident tat-traffiku li seħħ f’Settembru ta’ 9 snin ilu fi Triq tal-Barrani f’Ħal Tarxien.
Skont għadd ta’ xhieda, dakinhar tal-inċident, il-familja tal-akkużat u l-familja tal-vittma, omm ta’ 31 sena minn Birkirkara kienu qegħdin jieklu flimkien f’ħanut f’Birżebbuġa qabel telqu bil-karozzi tagħhom.
Mal-vittma li mietet ftit jiem wara l-inċident kien hemm żewġha li kien passiġġier u bintha ta’ 11-il sena waqt li fil-karozza mal-akkużat kien hemm is-sieħba tiegħu u 3 itfal oħra ta’ bejn 2 u 4 snin.
Fis-sentenza tagħha, il-qorti ppreseduta mill-Maġistarat Claire Stafrace Zammie qalet li huwa ċar li l-inċident fatali seħħ minħabba manuvra perikoluża li għamlet il-vittma meta ħarġet fuq il-karreġġjata ta’ barra għal quddiem il-karozza tal-imputat.
Dan bil-konsegwenza li x-xufier inħasad u waqt li pprova jiskapulaha, jidher li taha daqqa fuq wara bil-karozza tal-vittma tibqa’ tiegħla fuq is-central strip u taħbat ma’ arblu tad-dawl.
Waqt li nnotat li mhux ċar meta seħħ l-impatt, qalet li ftit li xejn setgħet toqgħod fuq ix-xhieda tar-raġel tal-vittma u bintha minħabba nuqqas ta’ korenza fix-xhieda li taw.
Min-naħa l-oħra qalet li l-verżjoni tal-imputat kienet dejjem kostanti u din kienet sostnuta ma’ dik tax-xhud li kienet fil-karrozza miegħu. Żiedet tgħid li l-verżjoni tagħhom tagħmel sens anke meta mqabbla mad-dinamika tal-inċident fejn ġiet ikkonfermata d-daqqa minn wara.
Għal dawn ir-raġunijiet, il-Qorti lliberat lil Agius minn kull akkuża.
Għall-akkużat deher l-Avukat Luciano Busuttil.