Il-Prim Ministru Joseph Muscat saħaq li l-parteċipazzjoni tan-nisa fil-ħajja politika trid tiġi indirizzata fil-preżent u sostna li l-Gvern jinsab kommess li jagħti xokk lis-sistema permezz ta’ bidliet tranżitorji għal ftit żmien sakemm twassal għal rappreżentaza aktar mifruxa.
Dr Muscat qal dan waqt laqgħa li kellu t-Tlieta waranofsinhar f’Kastilja mar-rappreżentanti tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żagħżagħ li magħhom iddiskuta bosta temi li jolqtu liż-żgħażagħ u lill-ġenerazzjonijiet futuri b’mod dirett.
Il-membri tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ tkellmu dwar diversi temi fosthom il-bidla fil-klima bil-Prim Ministru jsostni li d-dikjarazzjoni tal-emerġenza fil-klima hija biss il-punt tat-tluq għat-triq ‘il quddiem. Dan għax fi kliemu mhix biss kwistjoni ambjentali iżda wkoll ekonomika u soċjali.
Matul il-laqgħa, il-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ faħħar lill-Gvern għall-introduzzjoni taċ-ċentri għall-ħarsien tat-tfal b’xejn għax qal li bihom iffaċilita l-ħajjiet tal-familji Maltin u Għawdxin u wassal għaż-żieda fil-parteċipaċċjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol.
Huma esprimew ukoll sodisfazzjon għall-wegħda tal-gvern li jaqta’ darba għal dejjem il-plastik li jintuża darba u jintrema.