Il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija għal-Lukandi u r-Ristoranti, Tony Zahra laqa’ d-deċiżjoni tal-Gvern li jakkwista Villa Gwardamanġa biex ladarba tiġi rrestwarata tkun waħda mill-attrazzjonijiet ewlenin ta’ pajjiżna.
L-aħbar tal-akkwist ta’ Villa Gwardamanġa, l-uniku residenza li għexet fiha r-Reġina Eliżabetta t-Tieni barra mir-Renju Unit ingħatat il-ġimgħa l-oħra mill-Prim Ministru Joseph Muscat.
Mistoqsi minn ONE News dwar l-investiment li qed iwettaq il-Gvern fil-prodott turistiku ta’ pajjiżna, is-Sur Zahra esprima s-sodisfazzjon tiegħu dwar din l-inizjattiva li fi kliemu se tkompli tagħti prominenza lil Malta u tkabbar is-settur turistiku ta’ pajjiżna li kulma jmur għadu jiffaċċja kompetizzjoni ħarxa minn destinazzjonijiet madwarna stess.
Is-Sur Zahra stqarr: “Is-settur turistiku huwa affettwat pożittivament għax in-nies jiġu Malta eżattament biex jaraw postijiet bħal Villa Gwardamanġa li għandhom storja.”
Is-Sur Zahra faħħar id-deċiżjoni tal-Gvern li jixtri u jirranġa din id-dar u saħaq li dan l-investiment mhux se jibbenefikaw minnu biss it-turisti li jżuruna iżda wkoll kull min għandu għall-qalbu l-patrimonju kulturali ta’ pajjiżna.
“Malta għandha pożizzjoni unika fil-Mediterran bl-istorja kollha li għandna u allura huwa pożittiv li l-gvern ħa din l-inizjattiva biex iżomm Villa Gwardamanġa mhux biss għat-turisti imma wkoll għall-Maltin”, sostna s-Sur Zahra.
Ħeġġeġ ukoll lill-Gvern biex ikompli jieħu inizjattivi bħal dawn għall-ġid tal-ġenerazzjonijiet li ġejjin.
“Dawn l-affarijiet ikunu hemmhekk għal darba. jekk nitilfuhom, nitilfuhom għal dejjem”, temm jgħid is-Sur Zahra.
Fuq kollox sostna li l-investiment fil-prodott turistiku ta’ pajjiżna huwa essenzjali bil-għan li Malta tkompli tisfrutta l-karatteristiċi u l-ġojjelli bħalma hi Villa Gwardamanġa li ħaddieħor m’għandux.