Waħda minn kull ħames ditti legali fir-Renju Unit m’għadditx minn test dwar is-sistemi li suppost iħaddmu kontra l-ħasil tal-flus.
Dan il-każ irrapportat mill-Financial Times jingħaqad ma’ kullana ta’ każi kbar f’pajjiżi Ewropej dwar dan l-att kriminali u f’mument fejn fir-Renju Unit hemm tħassib kbir dwar żieda ta’ flus maħmuġin deħlin fil-pajjiż. Qed ikun rapportat bi prominenza n-nuqqas ta’ azzjoni minn avukati u accountants.
Skont in-National Crime Agency hu stmat li l-ħasil ta’ flus jiswa lir-Renju Unit iktar minn mitt biljun sterlina fis-sena.
Dan wassal biex is-sena li għaddiet twaqqaf regolatur ġdid bl-isem ta’ OPBAS.
L-awtorità li tirregola dawn id-ditti legali (SRA) bdiet 172 investigazzjoni marbuta mal-ħasil ta’ flus fl-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena.
Ir-Renju Unit trid idaħħal ukoll liġijiet ġodda bil-gvern tar-Renju Unit jaħseb ukoll għal regoli iktar iebsin anke wara li l-pajjiż jitlaq mill-Unjoni Ewropea.