L-għada li fetħet l-iskola medika ta’ Barts f’Għawdex, waqt id-diskussjoni tal-estimi finanzjarji għas-settur tas-saħħa, id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne ħabbar li l-Gvern qed jippjana li jiftaħ skola medika oħra tal-ogħla livell f’Malta.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa: “Flimkien mal-management ta’ Mater Dei qiegħed f’diskussjonijiet mal-Ministeru tal-Edukazzjoni u l-Università ta’ Malta biex is-sena li ġejja nibdew nibnu medical school ġdida għall-Maltin, għall-istudenti, medical school ġdida għall-Università ta’ Malta, medical school ġdida biswit l-isptar Mater Dei għax dak li huwa tajjeb għall-istudenti barranin, huwa tajjeb għall-istudenti Maltin.”
Il-Ministru għas-Saħħa ħabbar ukoll fil-Parlament li waqt li kien qed jitkellem kienet qed tiġi f’postha sistema robotika biex tgħin lil kirurgi f’operazzjonijiet kumplessi. Dr. Fearne sostna: “Illum waqt li konna qegħdin nagħmlu dan id-dibattitu wasal ir-robot il-ġdid għal ġos-swali tal-operazzjonijiet, robot Da Vinci XI illi ħa jkun qiegħed wara li jgħaddu dawn is-6 xhur ta’ taħriġ għall-professjonisti tagħna jagħmel operazzjonijiet flimkien mal-kirurgi tagħna ħafna iżjed dettaljati, ħafna iktar kumplikati b’riżultati ħafna aħjar milli wieħed kien jistenna sal-lum.”
Fil-Parlament, id-Deputat Prim Ministru saħaq li l-Oppożizzjoni tirrikonoxxi ż-żieda tan-nefqa tal-Gvern għas-settur tas-saħħa f’Malta iżda mhux l-istess f’Għawdex.
Hawnhekk Chris Fearne saħaq li l-Gvern jibqa’ mpenjat li s-servizz tal-ogħla kwalità li qed jingħata f’Malta, qed jingħata wkoll fil-gżira tat-3 għoljiet.
F’dan il-kuntest semma wkoll l-istudju mediku li sar minn The Lancet, li poġġa lil Malta bħala d-disa’ l-aqwa pajjiż li joffri servizz tas-saħħa fid-dinja.
Id-Deputat Prim Ministru saħaq li l-Gvern jibqa’ mpenjat li jkompli jinvesti fis-settur tas-saħħa li minnu jintlaqat kulħadd.
Qal li qed ikompli jinġieb iżjed apparat biex jintuża fuq pazjenti morda bil-kanċer.
Dr. Fearne temm jgħid: “Ilbieraħ ġie ffirmat kuntratt għal CT Scan ġdid li ħa jkun qed jagħti servizzi lill-pazjenti tal-onkoloġija, il-pazjenti tal-cancer. Ħa nkomplu nagħtu servizz aktar fil-pront, aktar dettaljat, aktar ta’ kwalità, aktar ta’ eċċellenza.”