Raġel ta’ tmienja u erbgħin sena mill-Għargħur qed isofri minn ġrieħi gravi wara li aktar kmieni waranofsinhar kien involut f’inċident fuq il-post tax-xogħol.
Il-każ seħħ għall-ħabta tas-sagħtejn noqsin għoxrin ta’ waranofsinhar fi Triq is-Sagra Familja fil-Bidnija, limiti tal-Mosta, meta r-raġel weġġa’ wara li l-krejn li kien qed jagħmel xi xogħol bih, għeleb u rassu ma’ grada tal-ħadid.
Ir-raġel ingħata l-ewwel għajnuna minn nies li kienu fuq il-post, sakemm waslu fuq il-post membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u ambulanza li ħaditu l-Isptar Mater Dei.