It-Tnejn fetħu l-applikazzjonijiet għall-ewwel fażi tal-iskema ta’ ffinanzjar ta’ double glazing għar-residenti ta’ Birżebbuġa li ġiet imħabbra mill-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi ftit tal-ġimgħat ilu.
Għall-ewwel fażi ta’ din l-iskema qed jiġu allokati €300,000. F’din il-fażi, eliġibbli għall-iskema ser ikunu r-residenti li joqogħdu fi 38 triq magħżula, l-aktar partikolarment fiż-żoni magħrufa bħala Tal-Papa, San Patrizju u oħrajn. Dawn it-toroq intgħażlu wara li sar studju kkummisjonat minn kumpanija indipendenti kif ukoll wara konsultazzjoni mal-kunsill lokali u bosta focus groups li għandhom għal qalbhom Birżebbuġa.
Il-Ministeru għat-Turiżmu ser ikun qiegħed jagħti 90% rebate tal-ispejjeż u kull residenza li tapplika għal din l-iskema tista’ tapplika għal ammont sa massimu ta’ €2,000. L-applikazzjonijiet jinsabu online fuq is-sit; https://www.rews.org.mt/#/en/a/211-double-glazing-scheme-for-birzebbuga-residents-2019-dg
Din hija skema tal-Ministeru tat-Turiżmu u ġiet iffinanzjata mill-Freeport Terminals u l-Freeport Corporation. L-iskema qiegħda tiġi attwata b’kollaborazzjoni mar-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u tal-Ilma.
“Din l-iskema hija parti mill-impenn tal-gvern għal sensiela ta’ proġetti f’Birżebbuġa u fin-nofsinhar ta’ Malta. Din is-sena il-Malta Freeport Corporation, wettqet studju fuq il-ħsejjes li jiġu ġġenerati mill-makkinarju li hemm fil-Freeport u ħafna mir-rakkomandazzjonijiet qed jiġu attwati. Apparti minn hekk, qegħdin naħdmu fuq numru ta’ proġetti li qed isiru permezz ta’ ħidma mill-Malta Freeport Corporation, fosthom l-iżvilupp ta’ multi-storey carpark,” sostna l-Ministru Konrad Mizzi.
Huwa qal li l-attwar ta’ dawn l-inizjattivi ser iwasslu għal tnaqqis konsidorevoli tal-ħsejjes u l-emissjonijiet li jiġu ġġenerati mill-Port Ħieles.
Il-Ministru għall-Enerġija u l-Immanniġjar tal-Ilma Joe Mizzi qal, “Dan il-gvern huwa konxju li r-residenti ta’ Birżebbuġa ilhom għal dawn is-snin kollha jbatu minn inkonvenjent minħabba l-industrijalizzazzjoni ta’ din il-lokalità. Għalhekk, qed jimplimenta miżuri biex jagħti nifs ġdid lil dawn ir-residenti u fl-istess ħin, jaħdem biex ikollna arja aktar nadifa, tiżdied l-effiċjenza u jitjieb is-servizz li jingħata lill-konsumatur. Insemmi fost oħrajn il-proġett ta’ Ħas Saptan, li se jippermetti l-għeluq darba għal dejjem taż-żewġ impjanti li hemm Birżebbuġa (Wied Dalam u l-impjant 31 ta’ Marzu).”
It-toroq eliġibbli għall-ewwel fażi ta’ din l-iskema jinkludu Triq iċ-Ċief, Triq il-Borok, Triq il-Gawwi, Triq il-Gandofla, Triq il-Qroll, Triq l-Imħar, Triq Kangu, Triq ir-Rizza, Triq il-Girgħien, Triq Garibaldi, Triq Baden Powell, Triq Nightingale, Triq G. Marconi, Triq l-Imnarja, Triq it-Trunnċieri, Triq K. Frendo, Triq Wied il-Buni, Triq tal-Papa, Triq San Patrizju, Triq il-Kummerċ, Triq Giuseppi Despot, Triq il-Progress, Misraħ Hamilkar Barka, Triq San Franġisku Saverju, Triq San Filippu, Triq Alessandru, Triq is-Sebħ, Triq San Ġwann, Triq il-Gurgier, Triq il-Port Ħieles, Triq il-Ħaruf, Triq Arzella, Triq il-Kartaġinizi, Triq San Edwardu, Misraħ is-Summit u Wesgħa Carmelo Caruana.
Il-Ministru Konrad Mizzi waqt id-diskors tiegħu tal-baġit il-ġimgħa l-oħra, tenna li din l-iskema hija biss l-ewwel fażi u l-fażijiet sussegwenti mistennija jinfetħu għar-residenti kollha ta’ Birżebbuġa.