Malta rreġistrat ir-raba’ l-akbar tnaqqis fid-dejn nazzjonali minn fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea. Skont il-Eurostat, fl-ewwel kwart tal-2016 id-dejn nazzjonali ta’ Malta naqas għal 65.3% tal-prodott gross domestiku. Dan ifisser tnaqqis ta’ kważi 3.3 punti perċentwali fir-rata ta’ dejn ta’ pajjiżna meta mqabbel ma’ sena qabel.
Mentri f’Marzu 2013 il-piż tad-dejn nazzjonali kien laħaq is-70.8% tal-ġid nazzjonali, żieda ta’ 10.5 punti perċentwali matul dik il-leġislatura, f’anqas minn nofs il-leġislatura l-piż tad-dejn nazzjonali tnaqqas b’5.5 punti perċentwali. Ta’ min ifakkar li fiż-żmien meta l-Kap tal-Oppożizzjoni kien Viċi-Kap tal-Partit fil-Gvern, id-dejn nazzjonali kien żdied b’€100 miljun fix-xahar, jew bi 3.4% tal-ġid nazzjonali.
Din kienet l-akbar żieda fid-dejn fi kwart li qatt ġiet irreġistrat mindu bdiet tinġabar din l-istatistika. Ta’ min jinnota wkoll li skont il-Eurostat fl-ewwel kwart tal-2016 pajjiżna kiseb bilanċ fiskali pożittiv ta’ 2.8% tal-ġid nazzjonali. Dan huwa fost l-aqwa riżultat finanzjarju li qatt ġie osservat mindu bdiet tinġabar din l-istatistika għal pajjiżna. Filwaqt li jilqa’ dawn iċ-ċifri, il-Gvern jikkonferma l-pjanijiet tiegħu li jkompli jtejjeb is-saħħa finanzjarja ta’ pajjiżna.
Din il-ħidma hija kruċjali biex jiġu ggarantiti s-sostenibbilità u t-titjib tas-servizzi tas-saħħa u l-pensjonijiet. Permezz ta’ dan it-titjib il-Gvern ser jibqa’ f’pożizzjoni li jinvesti dejjem aktar fl-ekonomija ta’ pajjiżna u jiġġenera aktar tkabbir ekonomiku.