35 organizzazzjoni f’pajjiżna u 5 oħra internazzjonali ingħaqdu flimkien biex b’leħen wieħed wasslu s-suġġerimenti tagħhom dwar ir-riforma tal-prostituzzjoni u t-traffikar uman.
Jiem qabel tagħlaq il-konsultazzjoni pubblika dwar din ir-riforma, akkademiċi, avukati, u nies li jaħdmu mill-qrib mal-vittmi, inġabru biswit il-Parlament Malti u wasslu s-suġġerimenti tagħhom imsejsa fuq il-valur fundamentali li t-traffikar u l-prostituzzjoni huma forma ta’ vjolenza, li żgur ma tistax tiġi legalizzata jew regolata.
Il-proposti ewlenin ta’ dan it-tim multi-dixxiplinarju huma dawn:
1. Dikriminalizzazzjoni ta’ dawk fil-prostituzzjoni.
2. Ix-xiri tas-sess għandu jsir offiża kriminali.
3. Servizzi ġodda – legali, mediċi, finanzjarji, edukattivi u soċjali – li jgħinu lill-vittmi jirkrupaw mill-abbuż u jibnu ħajja ‘l bogħod minnu.
Ir-rappreżentanta ta’ dawn l-organizzazzjonijiet, l-avukat Helen Burrows saħqet li t-tliet punti għandhom ikunu nklużi kollha fil-leġislazzjoni u jiġu implimentati bħala “pakkett” sħiħ.
Tat ħajr lill-Gvern li qed jindirizza din il-kwistjoni diffiċli izda reali, b’mod ħolistiku.