Fil-ġranet li għaddew, delegazzjoni mill-iState Power Investment Corporation (SPIC), immexxija miċ-Chairman tal-kumpanija Qian Zhimin, kif ukoll delegazzjoni minn Shanghai Electric Power (SEP), immexxija miċ-Chairman Wang Yundan, żaru Malta għal laqgħa mal-Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma Joe Mizzi.
Il-kumpanija State Power Investment Corporation hija waħda mill-akbar kumpaniji fid-dinja tal-ġenerazzjoni tal-elettriku fiċ-Ċina, u tmexxi l-operat ta’ Shanghai Electric Power, li kienet responsabbli għall-qalba miż-żejt karburant tqil (heavy fuel oil) għal power station li taħdem bil-gas f’Delimara.
Il-laqgħa tad-delegazzjoni ffokat fuq il-pjani għall-iżvilupp ta’ koperazzjoni teknika bejn l-entitajiet taħt il-Ministeru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma u l-iState Power Investment Corporation, u dan bl-iskop li tiġi ffaċilitata riċerka konġunta fl-oqsma tal-enerġija u l-ilma.
Matul il-laqgħa, intlaħaq ftehim li jitwaqqaf grupp ta’ ħidma li jiżviluppa strateġija dwar kif din il-koperazzjoni teknika tista’ tiġi żviluppata, biex tkompli tiġi ffaċilitata r-riċerka f’dawn l-oqsma importanti.
Matul iż-żjara f’Malta, id-delegazzjoni kellha wkoll laqgħa ta’ kortesija mal-Prim Ministru Joseph Muscat.
Photos: DOI/MEW