Biswit l-ewwel poeżija bil-Malti li tmur lura sitt mitt sena, il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo tkellem dwar il-messaġġ tal-baġit għas-sena d-dieħla.
Qal li filwaqt li hu tajjeb li nkomplu nikbru ekonomikament u soċjalment, huwa importanti wkoll li nkomplu nikbru fl-identità. u nħaddmu u nsaħħu l-ilsien Malti.
B’mijiet ta’ kotba fl-isfond fil-Bibljoteka, il-Ministru saħaq li fi żmien iddominat mit-teknoloġija diġitali, il-Gvern irid jassigura li l-ilsien Malti ma jintilifx, u għal dan il-għan, b’investiment ta’ miljun u tmien mitt elf ewro, se jiddaħħal l-iċċekkjatur.
“Hawn ħafna Maltin li jibżgħu jużaw il-Malti minħabba li jibżgħu li jiktbuh ħażin u ma jafux jiktbuh tajjeb allura l-fatt li jkollok software li qiegħed jgħidlek xi żball għamilt u kif tista’ tirranġah allura jitħaddem iżjed il-Malti, u b’dan il-mod f’kull livell u f’kull età naraw li l-Malti jitħaddem iżjed għax huwa importanti ħafna għall-iżvilupp tal-identità tagħna bħala pajjiż.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Isport Clifton Grima nnota kif il-baġit għas-sena d-dieħla jħares lejn il-logħob tal-pajjiżi ż-żgħar li se jsiru f’pajjiżna fis-sena elfejn u tlieta u għoxrin.
F’dan il-kuntest qal li jrid isir xogħol biex filwaqt li jissaħħu faċilitajiet eżistenti biex ilaħħqu mal-livell internazzjonali, isir ukoll investiment f’faċilitajiet ġodda għal dixxiplini sportivi li għadhom mhux jinqdew f’dan l-aspett – bħall-handball u l-isquash.
Dan filwaqt li jissaħħu investimenti riċenti għall-isport akkwatiku u dak tal-isparar fost l-oħrajn.
Is-Segretarju Parlamentari semma wkoll il-ħidma li qed issir mal-Ispecial Olympics.
“Ħadt pjaċir ħafna li saret referenza għall-ħidma li qed issir ma’ Special Olympics li flimkien magħhom ħa nkunu qed nattiraw fis-sena 2022 lejn pajjiżna avveniment internazzjonali li se jġib mijiet ta’ atleti lejn pajjiżna li ħa jkomplu jikkonfermaw żewġ aspetti tas-soċjetà Maltija u l-politika tagħna. L-aspett tal-inklużjoni, u l-aspett li nemmnu li l-attività fiżika għandha tkun ċentrali fil-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin kollha.”