Il-Pulizija tal-Ispecial Intervention Unit assistiti minn tar-Rapid Intervention Unit u tad-Distrett arrestaw madwar 11-il immigranti li huma suspettati li kienu l-moħħ wara protesta ġewwa ċ-ċentru ta’ detenzjoni f’Ħal Safi.
Il-protesta bdiet għall-ħabta tal-10:30 tat-Tnejn filogħdu meta numru ta’ immigranti kissru xi għamara u bdew isabbtu mal-ħitan jitolbu sabiex jiġu rilaxxati mid-detenzjoni. Madankollu numru ta’ immigranti dehru jippruvaw jimblokkaw waħda mill-entraturi taċ-ċentru u kien hawn x’ħin stakkament pulizija liebes ilbies kontra r-rewwixti daħlu fiċ-ċentru u arrestaw lil dawk kollha li kienu qed jagħmlu ħsara.
Dawn tpoġġew ġewwa tliet vannijiet tas-servizzi tad-detenzjoni u tal-Pulizija u ttieħdu skortati lejn il-lock up tad-depot tal-Pulizija għal aktar stħarriġ. Minn informazzjoni li kiseb one.com.mt jidher li uffiċjal tad-detenzjoni sofra ġrieħi ħfief f’rasu.
Malli bdiet il-protesta numru kbir ta immigranti ħarġu b’mod kajman f’waħda mill-btieħi taċ-ċentru u jidher li ma jridux ikollhom x’jaqsmu ma dak li qed jiġri ġewwa.
Ritratti u filmati: Kyle Mifsud