Il-pajjiż ġibnih f’sitwazzjoni li llum jista’ jibda jaħseb fuq l-isfidi tal-ġenerazzjonijiet li jmiss. Kien dan il-messaġġ tal-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Joseph Muscat, f’laqgħa politika fil-Mosta.
F’diskors iffokat fuq l-oqsma tal-edukazzjoni, is-sehem tan-nisa fil-politika u l-bidla fil-klima, Joseph Muscat, tenna li Malta llum hix titkellem dwar il-problemi tal-ġimgħa d-dieħla iżda dwar id-deċiżjonijiet li se jgawdu minnhom tfal li għadhom lanqas twieldu. “Hemm fejn neċċelaw bħala moviment,” qal il-Prim Ministru.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat beda d-diskors tiegħu b’referenza lejn ir-rivoluzzjonijeit siekta li qegħdin isiru f’pajjiżna f’oqsma differenti li r-riżultat tagħhom ħa jkun qed jidher u jkunu xhieda tiegħu l-ġenerazzjonijiet li jmiss. “Lil hinn mir-retorika li ħafna drabi nisimgħu, verament ikollna pajjiż li nħallu lil uliedna ferm aħjar milli sibnieh aħna.”
Muscat spjega kif il-punt prinċipali dejjem tibqa’ l-ekonomija imma mhux biss. “Aħna m’aħnies sodisfatti biss bl-ekonomija. Il-ġid li jagħmel differenza fil-ħajja tan-nies. Fl-edukazzjoni nista’ ngħid li qiegħda ssir waħda mill-aktar rivoluzzjonijiet siekta.” Hawnhekk, il-Prim Ministru rrefera għal kif il-gvernijiet kollha preċedenti ħadmu fil-qasam tal-edukazzjoni iżda dan il-gvern qed jaħdem b’mudell differenti. Fejn mhux biss jinbnew skejjel ġodda, iżda jsir investiment f’oħrajn li jeżistu u oqsma oħra bħal l-infrastruttura teknoloġika. Hawn fakkar kif kienet implimentata b’mod sħiħ il-wiegħda tat-tablets fl-iskejjel u issa jmiss fażi oħra. “Issa t-tieni fażi għall-middle schools li naraw li jkun hemm investiment infrastrutturali għal uliedna biex mhux biss tkun taf taqra u tikteb. Dak mhux biżżejjed. Tkun litterat fil-mod ta’ kid tuża t-teknoloġija. It-talent instintiv li għandhom uliedna jrid jingħata l-bażi biex jagħżlu t-triq ‘il quddiem fl-edukazzjoni”, kompla l-Prim Ministru.
It-tielet investiment kbir li ma jingħatax biżżejjed importanza huwa s-sistema li bdiet minn din is-sena fejn fl-iskejjel ta’ kuljum, dawk it-tfal li għandhom ċertu abbiltajiet jew iridu jispeċċjalizzaw aktar fil-qasam vokazzjonali, jistgħu jagħmlu dan fl-iskola tagħhom.
Hawn il-Prim Ministru nnota t-tnaqqis fir-rata tal-early school leavers u hawn spjega kif id-diskussjoni li jmiss fl-edukazzjoni hija marbuta mal-eta’ obbligatorja. Elenka l-isfidi li jkun hemm jekk tittieħed deċiżjoni ta’ dan it-tip filwaqt li mmarka wkoll il-vantaġġi.
Joseph Muscat emfasizza kif fost l-aktar persuni li jkollhom pressjoni huma tfajliet u subien li ġejjin mill-familji fqar. “Dan ifisser li żgħażagħ ta’ 16 -il sena ħa nċaħħdulhom sentejn salarju? Ifisser li dawk is-sentejn iwasslu għal salarju ferm aħjar fis-sentejn ta’ wara. Din hija parti mis-sostenibilta’. Fejn irridu nwasslu l-pajjiż. Is-sodisfazzjon kbir huwa li ġibna l-pajjiż komdu biżżejjed biex nasbu għall-ġenerazzjonijiet li jmiss mhux għall-ġimgħat li jmiss. Mhux x’ħa jiġri u l-problemi tal-ġimgħa d-dieħla iżda l-problemi u l-isfidi għall-ġenerazzjonijiet ta’ wara,” saħaq il-Prim Ministru.