Is-Segretarju Parlamentari għall-fondi Ewropej u Djalogu Soċjali Aaron Farrugia ppreżenta ċertifikati lill-entitajiet Maltin għal proġetti ta’ suċċess li ġew magħżula għall-finanzjament minn diversi programmi tal-fondi Ewropej.
“Il-programmi ta’ kooperazzjoni territorjali fuq livell Ewropew, u dak tal-Mediterran fiż-żmien li ġej se jgħinu lil pajjiżna fit-tranżizzjoni ekoloġika li għaddej minnha,” spjega s-Segretarju Parlamentari filwaqt li saħaq li proġetti ta’ dan it-tip huma importanti għal Malta għax hu permezz tagħhom li naddottaw sistemi u skemi li ħadmu f’pajjiżi oħra.
Huwa qal li permezz ta’ dan il-proċess, bħala pajjiż nieħdu l-għarfien, l-expertise u t-taħriġ neċessarju mingħand dawk il-pajjiżi li jkunu waslu qabilna f’diversi setturi fosthom fl-innovazzjoni, l-użu tal-ilma, kompetittività, immaniġjar ta’ skart u effiċjenza fl-użu tal-enerġija fost oħrajn.
Is-Segretarju Parlamentari kien qed jitkellem waqt ċerimonja ta’ għotja ta’ ċertifikati lill-entitajiet Maltin għal proġetti ta’ suċċess li ġew magħżula għall-finanzjament minn diversi programmi tal-fondi Ewropej.
Fid-diskors tiegħu s-Segretarju Parlamentari tkellem ukoll dwar il-Budget Ewropew 2021-2027 fejn saħaq li dan għandu jkun wieħed ambizzjuż ferm iktar minn dak li proponiet il-Presidenza Finlandiża u li l-pożizzjoni tal-Kummissjoni Ewropea għandha tkun il-bażi għan-negozjati.
Huwa qal li l-Gvern Malti jrid ftehim sa l-aħħar ta’ din is-sena, li l-fondi tal-politika ta’ koeżjoni ma jiġux issagrifikati minħabba l-funding gap li se jħalli Brexit u l-bżonn ta’ fondi għal prijoritajiet oħra, kif ukoll li l-programmi ta’ kooperazzjoni territorjali għandhom ukoll jibqgħu kif inhuma, inkluż dak marittimu li Malta qed tibbenefika minnu.
Farrugia feraħ il-proġetti ta’ suċċess, li 4 minnhom intgħażlu taħt l-Interreg Europe, 7 taħt il-programm Interreg Italia-Malta u 3 taħt il-programm ENI CBC Med. Permezz ta’ dawn il-proġetti, n-numru totali ta’ proġetti magħżul taħt dawn il-Programmi għal dan il-perjodu s’issa jammonta għal 55, b’valur ta’ madwar €15.7 miljun. Dawn il-proġetti, li wħud minnhom diġà qed jiġu implimentati, jinvolvu sħab Maltin varji bħal Ministeri, entitajiet, istituti edukattivi, u għaqdiet non-governattivi, u jolqtu firxa ta’ oqsma tematiċi.
“Din iċ-ċeremonja timmarka stadju importanti ieħor, li kien possibbli biss grazzi għal dawn l-imsieħba Maltin. Il-fatt li l-proposti tal-proġetti tagħhom kienu ta’ suċċess huwa diġà inkoraġġiment għal benefiċjarji potenzjali oħra sabiex ikomplu jaħdmu u jimmiraw li jipparteċipaw f’dawn it-tip ta’ programmi li huma tant prezzjużi għal pajjiżna u l-bqija tal-Ewropa,” temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Farrugia.