It-tempji megalitiċi ta’ Ħal Tarxien nfetħu għall-pubbliku bla ħlas fl-okkażjoni tat-tnedija ta’ ktieb ġdid dwar l-istorja li sawwret din il-ġawhra f’pajjiżna.
Tul il-jum kien hemm servizz ta’ gwidi b’xejn li wasslu informazzjoni dwar dawn it-tempji li jmorru lura aktar minn ħamest elef sena.
ONE News tkellem mal-kuratur tas-sit u l-awtur tal-ktieb ‘Tarxien Temples’ Joseph Caruana li fisser kif hemm idea żbaljata dwar in-nies li kienu jgħixu f’dawn it-tempji. Huwa qal: “Hemm l-idea żbaljata li kienu nies primittivi meta ma kienux. L-evoluzzjoni tieħu ħafna iktar minn ħames t’elef sena biex taħdem. Dawn kienu nies bħalna, jaħsbu bħalna, jħossu bħalna jibku, jidħku. U ridt ngħaddi il-messaġġ illi dawn huma in-nies bħalna. L-unika ħaġa li ma kellhomx kien l-abiltà li joħorġu l-mettal mil-ġebla.”
ONE News tkellem ma’ bosta nies li żaru is-sit, kemm turisti kif ukoll Maltin li ħatfu l-opportunità li jsiru jafu aktar dwar l-istorja ta’ dawn it-tempji.
Il-ktieb li tnieda l-Ħadd se jkun qed jintuża ukoll bħala gwida minn dawk li se jżuru t-tempji fil-futur.