B’referenza għall-istqarrija stampa maħruġa mill-Oppożizzjoni aktar kmieni l-Ħadd 20 ta’ Ottubru 2019, il-poplu jista’ jifhem aħjar li l-mozzjoni mressqa fil-Parlament mill-Oppożizzjoni dwar it-tibdil fil-klima kienet waħda magħmula b’nuqqasijiet serji u żbalji bażiċi.
Il-Gvern ilu li għaraf is-serjetà ta’ din l-isfida globali u, għaldaqstant, propju lura fl-2015, kien introduċa Att 543 fil-liġijiet ta’ Malta, dak dwar Azzjoni dwar il-Klima, liema att jidentifika l-obbligi u dmirijiet tal-istat dwar it-tibdil fil-klima, inkluż li jinħoloq kumitat mill-esperti, li huwa mmexxi mill-Ambaxxatur Prof Simone Borg.
Il-Gvern, fl-emenda tiegħu mressqa mill-Ministru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima José Herrera, qiegħed bil-fatti juri li pajjiżna jirijafferma l-pożizzjoni dwar il-bżonn ta’ azzjonijiet konkreti f’dan il-kuntest ta’ emerġenza fil-klima. Iż-żgħażagħ qed ikomplu jifhmu li l-Gvern li verament pajjiżna għandu bżonn biex imexxi huwa dak illi jieħu azzjonijiet favur il-preżent u l-futur—gvern illi joffri opportunitajiet għall-aspirazzjonijiet tagħhom. Dan jista’ jsir għaliex pajjżna llum qiegħed joħloq il-ġid u għaldaqstant nistgħu verament ninvestu f’setturi importanti bħall-ambjent mingħajr ma nżidu piżijiet oħra fuq il-familji.
Il-Gvern ifakkar kif Budget 2020 ‘Malta: Inkomplu Nikbru Flimkien’ joffri 35 miżura konkreta biex pajjiżna jindirizza l-impatt dwar tibdil fil-klima, bl-emenda mressqa mill-Gvern tirriżolvi wkoll għal numru ta’ inizjattivi konkreti oħra.