Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana kienet waħda mill-mistednin speċjali fis-sitt konferenza internazzjonali organizzata minn Greening the Islands. Waqt din il-konferenza l-Ministru kienet parti minn panel ta’ esperti li tkellmu fuq strateġiji u inizjattivi ambjentali marbuta mal-gżejjer fil-Mediterran u l-Unjoni Ewropea.
Il-Ministru għal Għawdex tkellmet dwar id-diversi inizjattivi li qed jieħu l-Ministeru għal Għawdex u semmiet ukoll l-inizjattivi li għadhom kemm tħabbru fil-Baġit biex tiġi implimentata d-Decarbonisation Strategy for Gozo u kif, fost l-oħrajn, matul l-2020 l-Ministeru għal Għawdex ser ikun qed imexxi bl-eżempju u allura ser jibdel il-flotta tal-vetturi li għandu l-Ministeru għal waħda li taħdem bl-elettriku. Waqt din il-laqgħa saru wkoll taħdidiet biex f’Għawdex jiġi stabbilit osservatorju tal-Greening the Islands u dan għaliex Għawdex qed jispikka għall-inizjattivi relatati mas-sostenibbilità ambjentali.
F’Palermo wkoll il-Ministru Justyne Caruana kienet parti minn panel tal-Islands Commission fi ħdan ic-CPMR fejn ukoll tkellmet fuq turiżmu sostenibbli u l-ekonomija ċirkulari. Il-Ministru qalet kif Għawdex huwa wieħed mill-mitt destinazzjonijiet sostenibbli fid-dinja u dan għaliex qed tiġi implimentata politika u strateġija li permezz tagħha għelibna l-istaġjonalità u allura evitajna l-konċentrazzjoni tat-turiżmu matul perjodu qasir fis-sena u li qed jippermettilna nilqgħu għall-isfida li ż-żieda fin-numri tat-turisti ġġib speċjalment fi gżejjer żgħar bħal Għawdex. Minn sifda biddilniha f’opportunità, li in konsegwenza ta’ dan saħħaħna l-industrija tat-turiżmu, inħolqu iktar impjiegi, u ssaħħet l-ekonomija Għawdxija—u dan matul is-sena kollha.
Okkażjoni oħra kienet l-47 laqgħa ġenerali annwali tac-CPMR fejn il-Ministru għal Għawdex kienet parti minn panel li ddiskuta l-futur tal-Politika ta’ Koeżjoni tal-Unjoni Ewropea hekk kif bħalissa għaddejjin id-diskussjonijiet fuq il-baġit li ġej tal-UE kif ukoll il-programm ta’ fondi li jibda mill-2021. Flimkien mal-Ministru għal Għawdex fuq il-panel kien hemm ukoll Marc Lemaitre Direttur Geenerali ta’ DG Regio fi ħdan il-Kummissjoni Ewropeja u l-Ministru għal Għawdex saħqet kemm hu important li gżejjer bħal Għawdex għandhom ikollhom iktar flessibilità in partikolari fejn tidħol state aid u kif ukoll fejn jidħlu proġetti u inizjattivi finanzjati minn fondi Ewropej biex jiġu megħluba żvantaġġi kkaġunati mir-realtajiet ġeografiċi li għandu Għawdex minħabba l-insularità doppja u ċ-ċokon tal-gżira.
Matul dawn il-ġranet il-Ministru Justyne Caruana kellha diversi laqgħat bilaterali, fosthom ma’ Ms Tajana Huzak, viċi ministru fil-Ministeru għall-Iżvilupp Reġjonali u Fondi Ewropej tal-gvern tal-Kroazja u entitajiet reġjonali responsabbli mit-turiżmu, u kif ukoll ma’ Greening the Islands biex jiġi stabbilit osservatorju f’Għawdex.