Il-President George Vella u s-Sinjura Vella dalgħodu ħallew Malta għal żjara ta’ jumejn fil-Ġappun. Huma ġew mistiedna biex jattendu l-ħatra uffiċjali tat-tron tal-Imperatur ġdid Ġappuniż Naruhito f’ċerimonja li se ssir fil-Palazz Imperjali f’Tokyo.
Għaċ-ċerimonja ġew mistiedna biex jattendu mal-5,000 ruħ, fosthom mal-193 Kap ta’ Stat inkluż il-President Vella. Il-ħatra uffiċjali se ssir nhar it-Tlieta skont ir-rit tradizzjonali Ġappuniż u se tixxandar dirett fuq l-istazzjon nazzjonali Ġappuniż.
Il-monarkija Ġappuniża hija l-eqdem waħda fid-dinja li għadha taħtar l-eredi għat-tron bħala Imperatur. Infatti, l-Imperatur Naruhito se jinħatar uffiċjalment f’din il-kariga wara li missieru Akihito abdika mit-tron f’April li għadda.
Sakemm ikun il-Ġappun, il-President Vella se jieħu sehem f’taħdita mal-istudenti ta’ Chiba Univerisity of Commerce. Huwa u s-Sinjura Vella se jiltaqgħu wkoll mal-Maltin li jgħixu l-Ġappun, rappreżentanti tal-awtoritajiet Ġappuniżi, Membri Parlamentari, diversi imprendituri u studenti.
Sakemm il-President Vella se jkun impenjat biż-żjara fil-Ġappun, is-Sinjura Dolores Cristina se tinħatar bħala Aġent President.