Matul is-snin, il-missjonijiet diplomatiċi Maltin madwar id-dinja żviluppaw tradizzjoni li ssir, fil-pajjiżi rispettivi, ċelebrazzjoni li saret magħrufa bħala Malta Day. Malta Day din is-sena ġiet organizzata fi 18-il Missjoni Maltija barra l-pajjiż, fix-xhur ta’ bejn Settembru u Ottubru. Il-Missjonijiet Maltin barra minn xtutna jinkludu l-Palestina, Geneva, Italja, Irlanda, Spanja, Tuneżija, Iżrael, Repubblika tat-Turkija, Renju Unit, Indja, Beijing Ċina, Washington DC, Awstralja, Polonja, Strasburgu, l-Olanda, Moska, Greċja, Kuwait, New York. Għal din l-okkażjoni l-ambaxxati jistiednu sieħba importanti minn diversi oqsma li jkunu kkollaboraw magħhom matul l-aħħar sena.
Fil-messaġġ tal-okkażjoni, permezz ta’ filmat għal Malta Day ta’ din is-sena, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Abela qal lit-tema hi ċ-ċelebrazzjoni ta’ pajjiżna; dak li ksibna sa issa u d-direzzjoni li qed nindirizzaw.
Huwa tkellem dwar kif Malta qed tħaddan il-valuri tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, il-libertà tal-espressjoni, il-pluraliżmu, l-inklużjoni, il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-individwu, u ħafna iktar.
Huwa tkellem fuq is-suċċess li qed tikseb Malta u fakkar kif pajjiżna matul dawn l-aħħar snin iddistingwa ruħu biex iħaddan u jħaddem bidla u opportunitajiet soċjali u ekonomiċi, minflok ma jippermetti li d-destin tiegħu jkun iffurmat biss minn fatturi esterni. “Bħal baħħara tajbin, ma nilmentawx u nirrassenjaw ruħna meta r-riħ jinbidel fid-direzzjoni; minflok, aħna naġġustaw il-qlugħ tagħna u nimxu ‘l quddiem lejn id-destinazzjoni tagħna. Dan huwa possibbli biss għaliex aħna verament nemmnu fil-potenzjal tagħna stess”, qal il-Ministru Abela.
Huwa semma kif l-aħħar 12-il xahar kienu, bħalma kienu it-12-il xahar ta’ qabel, huma kkaratterizzati minn suċċessi notevoli f’diversi oqsma. Pajjiż li kien regolarment jirreġistra defiċit issa qed jirreġistra bilanċ pożittiv, li qed jerġa’ jinvesti fil-ġejjieni.
“Qed noħolqu ambjent li jippermetti t-teknoloġiji emerġenti jiffjorixxu u jikbru. Wara li kkonsolidajna r-reputazzjoni tagħna bħala l-‘blockchain island’, issa l-ambizzjoni tagħna hija li noħolqu mudelli li jippermettu lill-kumpaniji tal-Intelliġenza Artifiċjali jużaw Malta biex imorru globali. Qed inħarsu wkoll lejn l-esplorazzjoni tal-aspett kummerċjali tal-ispazju, kif ukoll l-abilità tagħna li nsiru hub għall-iżvilupp tal-logħob tal-kompjuter u l-eSports”, kompla l-ministru.
Huwa tkellem ukoll dwar kif fuq il-front diplomatiku, Malta kienet lesta li tkompli tkabbar l-orizzonti tagħha, billi issaħħaħ ir-rabtiet diġà eżistenti ma’ pajjiżi oħra, filwaqt li tistabilixxi oħrajn ġodda.
Huwa kkonkluda billi semma kif Malta se tkompli tikkontribwixxi għall-isforzi internazzjonali biex niffaċċjaw sfidi globali u kumplessi bħat-tibdil fil-klima, is-saħħa tal-oċeani u l-migrazzjoni.