Tlieta tilfu ħajjithom wara li ħanut tal-merċa ingħata n-nar fil-protesti fil-Belt ta’ Santiago.
Il-protesti bdew wara li iktar kmieni dan ix-xahar, il-Gvern taċ-Ċili ħabbar li fis-siegħat li fihom l-iktar isir użu mit-trasport, l-prezz tal-vjaġġ kellu jiżdied b’dollaru u sbatax il-ċenteżmu.
Il-Gvern taċ-Ċili issospenda ż-żieda fil-prezz tas-servizz tal-Metro b’risposta għall-protesti kbar li issoktaw fil-Belt Kapitali.
Id-dimostranti, li l-maġġoranza tagħhom huma studenti tal-iskola u tal-università li l-iktar jagħmlu użu mis-servizz, bdew jattakkaw bosta stazzjonijiet tal-underground, ikebsu nirien u jimblukkaw it-traffiku filwaqt li ħallew ħsarat kbar madwar il-Belt. Minħabba l-protesti bosta persuni spiċċaw ukoll bla servizzi ta’ trasport.
Il-protesti tant kienu ħorox li l-gvern saħansitra kellu joħroġ it-truppi militari tiegħu fit-toroq għall-ewwel darba mill-1990. Iżjed minn 300 persuna ġew arrestati filwaqt li madwar 156 uffiċjal tal-pulizija sfaw midruba.