Il-Prim Ministru Ingliż, Boris Johnson kontra qalbu kellu jibgħat ittra sabiex jitlob lill-Unjoni Ewropea li Brexit isir fil-31 ta’ Jannar minflok fl-aħħar ta’ dan ix-xahar. Ittra li huwa ma ffirmax.
Dan wara li l-Parlament Ingliż approva mozzjoni biex il-vot dwar il-ftehim milħuq bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Gvern Ingliż dwar Brexit ikun ittardjat. Eżitu li ma ntlaqa’ tajjeb xejn mill-Prim Ministru Ingliż, Boris Johnson li ma jridx jitlob lill-Unjoni Ewropea għal iżjed dewmien. Huwa wiegħed li l-ġimgħa d-dieħla se jintroduċi l-leġizlazzjoni meħtieġa biex ikun implimentat il-ftehim li kiseb, li skont hu, huwa eċċellenti.
Intant il-vot rabat bil-liġi lill-Prim Ministru Boris Johnson sabiex jitlob iktar żmien lill-Unjoni Ewropea sas-Sibt filgħaxija. Filfatt għalkemm kontra qalbu huwa bgħat ittra b’din it-talba iżda naqas milli jiffirmaha. Dan filwaqt li l-ittra kienet akkumpanjata minn ittra oħra din id-darba iffirmata minn Johnson li fiha spjega kif għalih iżjed dewmien sabiex Brexit isir huwa żball.
Intant fi tweet b’reazzjoni, il-President tal-Kunsill tal-Ewropew, Donald Tusk, stqarr li huwa kien irċieva din l-ittra u li issa kien se jikkonsulta mal-mexxejja ewropej dwar kif l-Unjoni Ewropea għandha tirreaġixxi għal din it-talba.