Seba’ snin ilu, Claire Busuttil ħadet l-aħbar xokkanti li kellha kanċer f’sidirha. Bil-kanċer reġa’ ħarġilha tliet snin wara.
Minkejja din l-esperjenza xokkanti Claire tappella sabiex kulħadd jagħmel it-testijiet neċessarji.
Il-ġimgħa filgħaxija Claire ingħaqdet ma’ mijiet ta’ persuni li nġabru fil-Kalkara u mxew lejn il-Birgu għall-kampanja Pink October – bil-għan li titqajjem kuxjenza dwar il-kanċer tas-sider.
F’atmosfera brijuża, nisa u anki irġiel, ingħaqdu flimkien. Min libes ir-roża u min libes l-iswed b’simbolu ta’ Movember, kampanja li għandha l-għan li tqajjem aktar kuxjenza dwar il-kanċer fl-irġiel.
Iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Marigold, is-Sinjura Michelle Muscat, kompliet tappella sabiex kulħadd jegħleb il-biża’ u jagħmel it-testijiet.
Is-Sinjura Muscat qalet kif din hi “Mijxa simbolika u nagħtu eżempju lill-poplu u nappellaw biex kulħadd jiċċekkja lilu nnifsu ghal ħajja aħjar.”