Żagħżugħ ta’ 22 sena ġie arrestat wara sejba ta’ droga fil-karozza li kien qed isuq.
Kien kmieni dalgħodu, għall-ħabta tas-1:45 meta l-Pulizija mill-iskwadra ta’ l-Administrative Law Enforcement arrestaw liż-żagħżugħ fi Triq Emanuele Giordano, il-Gżira.
Waqt li l-Pulizija kienu qed jsuqu fi Triq Mikiel Anton Vassalli nnutaw vettura tal-għamla Toyota tinstaq b’veloċità eċċessiva. Din il-vettura ġiet segwita u x-xufier intalab jieqaf iżda minflok żied il-veloċità u pprova jaħrab. Ix-xufier, raġel ta’ 22 sena mis-Serbja, residenti l-Gżira ġie arrestat fi Triq E. Giordano wara li ħabat f’vettura li kienet ipparkjata.
Waqt tfittxija li saret fil-vettura instab basket li kien fih ammont ta’ flus kontanti. Fil-basket il-Pulizija elevat diversi pakketti li fihom kien hemm sustanza suspettata droga kokaina eroina, pilloli suspettati droga ecstasy u 17-il pakkett bi droga suspettata ħaxixa tal-Cannabis.
L-investigazzjoni mill-Pulizija tad-Distrett ta’ tas-Sliema u tal-ALE għadhom għaddejjin.