Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici laqa’ l-membri li qegħdin jipparteċipaw f’konferenza internazzjonali bit-titlu ‘A high quality Baukultur for Europe – examples from the Alpine and Mediterranean context,’ li ttellgħet il-MUŻA. Baukultur huwa aspett ta’ identità u diversità kulturali. Dan il-kunċett jilqa’ b’mod ħolistiku kull attività umana li tbiddel l-ambjent mibni, u tinkludi kull ambjent u ass iddisinjat li qiegħed fil- u jirrelata mal-ambjent naturali. Dan il-kunċett jinkludi wkoll rwoli essenzjali li l-kultura għandha f’ambjent magħmul min-nies. Dan wassalna biex inħarsu lejn modijiet innovattivi u inklussivi biex inħarsu arkitettura ta’ kwalità, filwaqt li wkoll naraw il-potenzjal tagħha biex tikkontribwixxi għall-benesseri tas-soċjetà.
Waqt il-konferenza, il-Ministru Bonnici rrefera għal eżempji varji ta’ Baukultur li huma preżenti f’pajjiżna u jinkludu l-MUŻA, li hu eżempju ħaj ta’ dan il-kunċett. “Bħala Gvern, aħna qegħdin naħdmu lejn it-tisħiħ tas-settur kulturali, speċjalment minħabba li dan għandu rwol sinjifikanti fl-identità tagħna. Malta għandha storja estensiva, u xhieda ta’ dan huma l-binjiet u s-siti numerużi li nsibu f’bosta lokalitajiet madwar il-gżira,” kompla jgħid hu.
Bonnici stqarr li, “permezz ta’ xogħolna, qegħdin inħarsu li noħolqu u nmantnu postijiet ta’ kwalità olja li jkomplu jikkontribwixxu għall-ekoloġija kulturali ta’ pajjiżna b’mod li dawn ikunu disponibbli għall-pubbliku. L-istrateġija tagħna għall-kultura u l-ambjent mibni hu li niżguraw li nimmassimizzaw l-użu ta’ dawn il-binjiet u siti b’mod li jkunu apprezzati għall-arkitettura u l-istorja tagħhom. Fil-fatt,bosta binjiet storiċi reġgħu ngħataw il-ħajja – fortifikazzjonijiet tas-sekli 16 u 17 saru mużewijiet u ċentru għall-viżitaturi.”
Il-konferenza rat il-parteċipazzjoni ta’ esperti differenti minn diversi setturi u pajjiżi, fosthom Malta, l-Iżvizzera, San Marino u l-Liechtenstein, u l-parteċipazzjoni tad-Direttorat tar-Restawr, Heritage Malta, u s-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali. Il-konferenza ġiet organizzata b’kollaborazzjoni mad-Direttorat tal-Kultura.