Madwar 650 persuna b’diżabilità severa li ma jistgħux jidħlu fid-dinja tax-xogħol ser jiżdiedu bi €11.40 fil-ġimgħa, biex b’hekk issa se jibdew jingħataw l-ekwivalenti tal-Paga Minima Nazzjonali Netta ta’ €161.40.
Ħabbar dan is-Segretarju Parlamentaru għall-Anzjanità Attiva u l-Persuni b’Diżabilita Anthony Agius Decelis, f’konferenza tal-aħbarijiet dwar il-miżuri tal-Baġit għas-sena d-dieħla. Saħaq kif b’din il-miżura b’saħħitha tal-baġit ser tingħalaq wegħda elettorali oħra ta’ Gvern Laburista.
Is-Segretarju Parlamentari Agius Decelis sostna “L-iktar b’saħħitha hija illi dawk il-persuni b’diżabilità illi ma jkunux jistgħu jidħlu fid-dinja tax-xogħol, u aħna bħala Gvern għamilna diversi inizjattivi biex l-ewwel ħaġa jekk jista’ jkun persuna tidħol fid-dinja tax-xogħol imma nafu li għandna pockets ta’ nies li tgħinhom kemm tgħinhom, jixtiequ kemm jixtiequ ma jirnexxielhomx jidħlu fid-dinja tax-xogħol u dawk ukoll irridu ngħinuhom jgħixu b’dinjità u bi kwalità ta’ ħajja.”
Agius Decelis qal kif dan il-Baġit fih 23 miżura li jolqtu lill-anzjani u persuni b’diżabilità, bin-nefqa għal dawn is-servizzi offruti tul is-sena 2020 ser tkun ta’ €201 .
Dan ifisser żieda ta’ 24 miljun ewro fil-qasam tas-servizzi għall-anzjani fil-komunità u residenzi u żieda ta’ 6 miljun fejn jidħlu is-servizzi fis-settur tad-diżabilità.
Huwa semma wkoll diversi miżuri kruċjali fil-qasam tas-servizzi tal-anzjani, fosthom l-għotja ta’ €300 lill-anzjani ta’ 75 sena jew aktar u li jgħixu fil-komunità u ż-żieda ta’ ħamsin ewro fl-għoltja lil anzjani li jagħlqu t-80 sena u joqogħodu f’darhom.
Għall-ewwel darba wkoll l-għotja ta’ €300 ser tingħata lill-anzjani li jgħixu f’residenzi tal-anzjani privati.
Min-naħa tiegħu l-Ministru Michael Falzon qal li dan il-baġit għandu ruħ soċjali qawwija u semma kif għal-ħames sena konsekuttiva se jogħolew il-penzjonijiet għall-aktar minn 90,000 anzjan u anzjana.
Il-Ministru Falzon stqarr: “Huwa budget fejn rajna li l-fondi allokati għal-Ministeru żdied minn 1.7 biljun għal 1.8 biljun kien hemm diversi miżuri li laqtu diversi nies bħal żidiet fil-pensjoni hemmhekk qed nolqtu 92,000 persuna.”
Il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità Oliver Scicluna laqa’ b’mod pożittiv diversi miżuri fil-Baġit u faħħar il-ħidma tal-Gvern li għamel passi ta’ ġgant fejn jidlu diversi kundizzjonijiet.
Is-Sur Scicluna qal: “Kuntent ħafna għal din id-darba għal fatt li l-persuni li għandhom il-kundizzjoni tal-Fibromyalagia u ME kien hemm pass min-naħa tal-Gvern jiġu pushed u jiġu rikonoxxuti biex b’hekk tibda l-“journey” biex dawn il-persuni jibdew jiggwadnajaw u jiġu assistiti u mgħejjuna.”