Wara ħafna stennija bin-negozjati daqqa jmorru pass ‘il quddiem u xi daqqiet anki tnejn, tlieta lura, l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit laħqu ftehim dwar BREXIT.
Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker fisser il-ftehim bħala ġust.
Il-ftehim huwa simili ħafna għal dak maqbul qabel mal-Gvern ta’ Theresa May.
It-tibdiliet huma dwar l-Irlanda ta’ Fuq li tinsab fi fruntiera mal-Irlanda u se tibqa’ konformi mas-suq waħdieni.
Dan apparti li r-Renju Unit se jibqa’ jsegwi l-liġijiet Ewropej sa tmiem is-sena d-dieħla biex in-negozji jilħqu jadattaw ruħhom.
Bħala parti minn dan il-ftehim, ir-Renju Unit huwa obbligat li jħallas disgħa u tletin biljun sterlina.
Il-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson sejjaħ dan il-ftehim eċċellenti u appella biex is-Sibt li ġej l-House of Commons japprovah mingħajr aktar dewmien.
Iżda l-mexxej Laburista Ingliż Jeremy Corbyn maqdar il-ftehim u saħansitra qal li dan hu agħar minn dak li kienet laħqet qbil dwaru Theresa May.
Il-President tal-Kummissjoni Ewropea aċċenna li mhux ħa jkun biss il-Parlament Ingliż li jrid japprova dan il-ftehim iżda anki l-Parlament Ewropew.
Il-Prim Ministru Ingliż qal li minkejja li jitlaq mill-Unjoni Ewropea ħa jaħdem biex jinbnew relazzjonijiet ġodda b’saħħithom mal-Ewropa.
Intant il-Prim Ministru Joseph Muscat li qed jattendi għas-summit ta’ jumejn tal-mexxejja Ewrope laqa’ u ta l-appoġġ tiegħu għall-ftehim li ntlaħaq bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea dwar BREXIT.
Fi tweet Dr. Muscat qal li ż-żewġ naħat urew rieda tajba u flessibilità.
Qal li issa jeħtieġ pass ċar ‘il quddiem kemm jekk il-Parlament Ingliż jilqa’ jew jirrifjuta dan il-ftehim.