L-MPE tal-Partit Laburista Alex Agius Saliba ġie maħtur bħala kopresident tal-Intergrupp tal-Parlament Ewropew, Alleanza għas-Saħħa Mentali.
“Ninsab onorat bir-responsabbiltajiet u l-fiduċja mogħtija lili mill-Intergrupp dwar is-saħħa mentali. Is-saħħa mentali hija importanti daqs is-saħħa fiżika. Huwa importanti għall-individwi, il-familji tagħhom, is-sistema tas-saħħa u dik soċjali, is-soċjetà, u l-ekonomija, “qal l-MPE Agius Saliba fl-ewwel laqgħa tal-Intergrupp.
“Sfortunatament, is-saħħa mentali kienet ferm injorata u mdawra bl-istigma. Wasal iż-żmien li tinbidel din id-direzzjoni, tissaħħaħ il-vuċi tas-settur tas-saħħa mentali, u jiġu pprovduti miżuri u politiki adegwati fil-livell Ewropew,” tenna l-MPE Agius Saliba.
Il-MPE Agius Saliba ddikjara hekk — “L-Unjoni Ewropea għandha tiffoka aktar fuq il-prevenzjoni ta’ problemi ta’ saħħa mentali. Ninsab kuntent ħafna li l-ġimgħa li għaddiet, il-Parlament Ewropew approva r-rakkomandazzjoni tiegħi dwar id-dritt li wieħed jaqta’ l-konnettivita’ diġitali personali bħala parti minn Rapport dwar l-impjiegi u l-politiki soċjali taż-Żona Ewro. Fil-qasam tal-impjiegi, id-dritt ta’ skonnessjoni diġitali bla dubju huwa pass importanti lejn titjib sostanzjali fil-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, u b’hekk jikkontribwixxi b’mod pożittiv fil-mixja lejn saħħa mentali aħjar għall-ħaddiema tal-Unjoni Ewropea.
Matul l-ewwel laqgħa tal-Intergrupp għall-mandat parlamentari l-ġdid, l-MPE Alex Agius Saliba ikkopresieda diskussjoni ma’ rappreżentanti ta’ mija u għoxrin organizzazzjoni u istituzzjoni ta’ politika relatati mas-saħħa.
Is-seduta ta’ smigħ flimkien mal-Global Alliance of Mental Ilness Advocacy Networks (GAMIAN-Europe) kellha l-għan li tiskambja u tikkondividi l-prijoritajiet, l-ideat u l-proposti konkreti fil-livell tal-Unjoni Ewropea dwar is-saħħa mentali. Il-MPE Agius Saliba qal li l-konklużjonijiet tal-laqgħa ser jiggwidaw il-ħidma tal-Intergrupp tal-Parlament Ewropew.
Matul id-diskors tiegħu, huwa saħaq li sfortunatament l-enfasi fuq is-saħħa mentali qiegħda dejjem tonqos, kemm fil-livell Ewropew kif ukoll fil-livell nazzjonali, fi żmien meta l-Ewropa qiegħda tirreġistra it-tieni l-akbar rata ta’ mewt permezz ta’ suwiċidju fil-grupp ta’ persuni b’etajiet ta’ bejn 15 u 29 sena, xi ħaġa li skont l-MPE Agius Saliba hija inkwetanti ferm.
“Aktar minn qatt qabel, irridu nintegraw is-saħħa mentali bħala prijorità fil-politiki differenti tas-saħħa u dawk soċjali. Irridu wkoll nikkunsidraw riskji emerġenti ġodda fuq is-saħħa mentali marbuta mat-teknoloġiji diġitali ġodda. U biex nagħmlu dan neħtieġu appoġġ finanzjarju mill-Istituzzjonijiet Ewropej fejn jidħlu inizjattivi ġodda tas-Saħħa Mentali,” qal Alex Agius Saliba.
Il-MPE Agius Saliba saħaq li fil-ħames snin li ġejjin, l-Intergrupp se jaħdem lejn l-iżvilupp ta’ politiki sodi tal-Unjoni Ewropea mmirati lejn il-prevenzjoni tal-mard mentali u l-iżgurar ta’ servizzi xierqa, ta’ kwalità għolja u kura ċċentrata fuq l-individwu, li jagħtu s-setgħa lil dawk affettwati.