Stakeholders li joffru servizzi fis-saħħa mentali qed ifasslu White Paper biex f’każ ta’ emerġenza, diżastru jew trawma nazzjonali jkun hemm pjan ħolistiku dwar x’servizzi hemm bżonn li jingħataw.
Waqt diskussjoni fil-preżenza tal-Ministru Michael Farrugia, esperti fil-qasam spjegaw li s-servizzi għall-kura ta’ esperjenza trawmatika nazzjonali, bħal ngħidu aħna l-każ tat-tiġrif ta’ ajruplan f’Ottubru tal-2016 għandhom jingħataw b’mod ħolistiku anke fuq il-post, kemm lill-vittmi, lil qrabathom, u anke lill-ħaddiema tal-forzi tal-ordni preżenti.
Daniela Calleja, il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Richmond, li użat il-Konferenza Annwali tagħha ta’ din is-sena biex tiddiskuti s-suġġett, spjegat il-bżonn li l-pajjiż kollu pjan bħal dan. Il-Fondazzjoni Richmond diġà tkellmet mal-Gvern dwar il-White Paper li mistennija tkun ir-riżultat tal-konferenza annwali ta’ din is-sena, u kien ta’ spalla għall-Fondazzjoni biex iġġib lil kulħadd flimkien għad-diskussjoni.
Il-White Paper dwar is-suġġett mistennija tkun ippreżentata lill-Gvern fil-ġimgħat li ġejjin.