John Mizzi għandu 72 sena u huwa fost 800 anzjan li jattendu l-Università tat-tielet età.
Lil John ħadnielu ftit minuti waqt waħda mil-lezzjonijiet offruti dwar stima tiegħu infusu fiċ-ċentru tal-anzjani ta’ Birżebbuġa.
Ċentru li ngħaqad mas-seba’ ċentri oħra li fihom jiġu offruti korsijiet marbuta mal-Università tat-tielet età.
John ilu 12-il sena, ta’ kull ġimgħa tiegħu jitħarreġ f’din l-Università.
Fil-karriera tiegħu John kien jaħdem bħala accountant. Karriera mpenjattiva, iżda wara snin twal jara ħafna numri quddiemu, malli ħareġ bil-pensjoni ried jara kif se jqatta’ l-ħin tiegħu.
Hu stqarr ma’ crew ta’ ONE News: “Mort l-ewwel darba u komplejt imur nagħżel is-suġġetti li jinteressawni. Melitensia l-iktar li jogħġobni u nattendi għas-suġġetti li jogħġbuni.”
Il-Kap tad-Dipartiment tal-Ġerontoloġija Marvin Formosa, li jmexxi l-Università tat-tielet età, spjega kif matul is-snin żdiedet l-attendanza tal-anzjani.
“Jagħtu iktar opportunitajiet, l-anzjani jistgħu jmorru u jkollhom tgħallim organizzat u kull xaharejn ikun hemm lettur differenti b’suġġetti differenti”, spjega Formosa.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva Anthony Agius Decelis inkoraġixxa sabiex aktar anzjani ikomplu jitgħallmu u jibqgħu attivi.
“Iriduwhom jgħixu l-ħolma ta’ ħajithom. Jitgħallmu affarijiet u jippratikaw affarijiet ġodda. Niftħu ċentri fil-komunità u l-anzjani jibqgħu jipprattikaw”, sostna s-Segretarju Parlamentari Agius Decelis.