Il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg fetaħ is-seminar bl-isem ‘Road Safety, everyone’s commitment’ organizzat mill-Kunsill Malti għas-Sigurtà fit-Toroq u Transport Malta.
Il-Ministru qal li s-sigurtá fuq it-toroq tibqa’ waħda mill-ewwel prijoritajiet għall-gvern u tkellem dwar id-diversi fatturi li jaffettwaw is-sigurtà fit-toroq. Fost dawn huwa semma l-infrastruttura tat-toroq, l-edukazzjoni favur imġiba aktar responsabbli, id-deterrenti u l-infurzar, u saħaq li dawn jeħtieġ li jaħdmu flimkien favur toroq aktar siguri.
Il-Ministru Borg irrefera għall-Valletta Declaration li ġiet iffirmata fl-2017 waqt il-Presidenza Maltija għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea li kienet taqa’ taħt id-dekasteru tiegħu meta kien Segretarju Parlamentari waqt il-leġiżlatura l-oħra. Huwa fakkar li din id-dikjarazzjoni għandha l-għan li twassal lill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea biex jimplimentaw miżuri sabiex sal-2030 jonqsu l-inċidenti li jwasslu għall-ġrieħi filwaqt li sal-2050 noqorbu lejn ebda mewt kawża ta’ inċidenti fuq it-toroq, għan imsejjaħ Vision Zero.
“Għalkemm fl-aħħar snin, is-sigurtà fit-toroq fl-Unjoni Ewropea rat ħafna titjib, xorta waħda għad għandna wisq nies iweġġgħu jew jitilfu ħajjithom fuq it-toroq. Għalhekk jeħtieġ li nkomplu nilleġiżlaw, nedukaw u nimplimentaw miżuri favur toroq aktar siguri,” qal il-Ministru Borg.
Huwa tenna l-appoġġ sħiħ tal-Gvern kemm lill-Awtorità għat-Trasport kif ukoll lill-Kunsill Malti għas-Sigurtà fit-Toroq, li matul is-sena jħejju diversi inizjattivi edukattivi, filwaqt li kellhom rwol importanti anke fl-implimentazzjoni ta’ deterrenti tanġibbli bħas-sistema tal-punti penali.
“Importanti li inkomplu nedukaw u li inkomplu nwasslu l-messaġġi edukattivi anke fl-iskejjel tagħna. It-tfal huma l-preżent u l-futur; iwasslu l-messaġġ lill-familji tagħhom u jrawmu fihom infushom kultura pożittiva favur imġiba responsabbli. Fuq kollox, il-ġenerazzjonijiet iż-żgħar illum jużaw it-toroq u għada se jkunu qed jużawhom b’diversi mezzi oħra. Nemmen li l-infurzar għandu jkun b’saħħtu, u qed naraw li dan ikun minnu ta’ kuljum fuq it-toroq tagħna, imma nemmen ukoll li ta’ xejn tinforza meta jkun tard wisq. Għalhekk bis-sħiħ intenni l-impenn tal-Gvern li nkomplu nippjanaw, naħdmu u nimplimentaw aktar miżuri għal toroq aktar siguri, li inkomplu nedukaw u li inkomplu nikkollaboraw għal dan il-għan,” għalaq il-Ministru.
Is-seminar kopra suġġetti bħax-xogħol li jsir minn first responders u l-irwol tal-utenti tat-toroq f’emerġenza, kif ukoll l-irwol tal-Awtorità għat-Trasport bħala regolatur fejn tidħol sigurtà fit-toroq. Il-Kunsill Malti għas-Sigurtà fit-Toroq rċieva l-approvazzjoni minn rappreżentanti tal-European Road Safety Charter li taw eżempji tax-xogħol li l-kunsill qed jagħmel kemm lokalment kif ukoll fl-Unjoni Ewropea.