Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna ppreżenta t-tielet baġit f’din il-leġislatura u tmien wieħed ta’ dan il-Gvern b’għadd ta’ miżuri ġodda li se jippremjaw lill-familja bieżla, lil dawk li huma fil-bżonn waqt li jħares is-sostenibbiltà.
Waqt li elenka l-isfidi tal-ewwel snin fosthom il-bini ta’ ekonomija sostenibbli u titjib fil-governanza fiskali, il-Ministru Scicluna sostna li dan il-Gvern qatt ma beża’ minn dawn l-isfidi u indirizzahom.
Id-diskors tal-baġit għas-sena d-dieħla kkonferma dak li ddikjara l-Prim Ministru Joseph Muscat, jiġifieri li għat-tielet sena konsekuttiva ma żied jew daħħal ebda taxxi ġodda, bil-Ministru Scicluna ħabbar bi kburija li għal ħames sena wara l-oħra pajjiżna se jirreġistra surplus/
U waqt li mhux se jiżdiedu t-taxxi, il-Professur Scicluna elenka ħemel ta’ miżuri li se jaraw li l-ġid li nħoloq mit-tkabbir ekonomiku qawwi ta’ pajjiżna jasal għand kulħadd
Dawn jinkludu:
- Kumpens tal-għoli tal-ħajja ta’ tliet ewro u disgħa u erbgħin ċenteżmu €3.49 fil-ġimgħa
- Żieda ta’ sebgħa ewro (€7) fil-ġimgħa għal 92,000 pensjonant
- Il-persuni b’diżabilità servera se jingħataw l-ekwivalenti tal-paga minima nazzjonali
- Għall-ewwel darba tħabbar tnaqqis tar-rata tat-taxxa fuq dħul mis-sahra bl-ewwel mitt siegħa fis-sena tal-ħaddiema li l-paga tagħhom ma taqbiżx l-20 elf fis-sena se tibda tiġi intaxxata bil-ħmistax fil-mija. Miżura li se tiswa lill-Gvern ħames miljun u tlett mitt elf ewro
- Bonus addizzjonali ta’ bejn €15 u 35 għal żidiet riċenti f’ċerti prodotti
- Rifużjoni tat-taxxa għal 200,000 ħaddiem b’ċekk ta’ bejn erbgħin u t-tmienja u sittin ewro fi tnaqqis ta’ taxxi
- Ġurnata oħra mal-leave tal-ħaddiema
U wara li fil-baġit għal din is-sena, il-Gvern żied iċ-childrens’ allowance, minn Jannar bonus ġdid ta’ darba ta’ tlett mitt ewro għal kull twelid jew adozzjoni.
Miżura oħra fil-baġit għas-sena d-dieħla se tgħin lil dawk taħt l-erbgħin sena li m’għandhomx biex iħallsu l-kapparra f’daqqa ta’ għaxra fil-mija.
Il-Ministru għall-Finanzi qal li kien ikun ġustifikat li l-baġit għas-sena d-dieħla jnaqqas ir-ritmu tiegħu mix-xita ta’ miżuri li ddaħħlu fl-aħħar seba’ baġits biex isaħħaħ dak li għamel.
Iżda minflok qal li dan ir-ritmu ta’ miżuri ġodda qed jiżdied u mhux jonqos.
Fl-istess waqt qal li b’dan il-baġit il-Gvern qed jispjega kif se jindirizza l-isfidi l-ġodda ta’ żminijietna.