Kienu mijiet il-Maltin li marru Milan għall-kunċert tal-kantanta tant popolari Beyoncé. Dan kien evidenti fuq is-sit soċjali ta’ facebook, fejn dawk li attendew poġġew ir-ritratti u l-filmati biex jaqsmu l-esperjenza tagħhom.
Dawk li kienu preżenti għal dan il-kunċert, ma kellhom xejn ħlief kliem ta’ tifħir għall-esebizzjoni fenomenali li għamlet din il-kantanta. Matul ix-xahar ta’ Lulju f’Milan saru numru ta’ kunċerti oħra popolari mal-Maltin, dawk ta’ Rihanna u Pharell Williams fost oħrajn.
Waqt il-kunċert ta’ Queen B, kif inhi magħrufa Beyoncé, spikka messaġġ li kitbet tfajla żgħażugħa fuq kartonċina. “Your songs saved me from self-harm” (Id-diski tiegħek salvawni milli nweġġa’ lili nnifsi) – Il-maġġoranza ta’ dawk preżenti qraw dan il-messaġġ, dan għaliex deher fuq screen kbir li kien hemm f’San Siro. Kienu bosta dawk li kkumentaw dwar il-messaġġ ta’ din it-tfajla u li stqarru li huma wkoll jirrelataw mal-lirika tad-diski ta’ Beyoncé.
Spikkaw ukoll persuni Trans li libsu bħal din il-kantanta.
F’dinja li bħalissa għaddejja minn żmien diffiċli, u f’perjodu fejn bosta vittmi inoċċenti tilfu ħajjithom, matul dawn il-kunċerti tispikka l-għaqda bejn dawk preżenti, li jkunu ta’ kull ġeneru, razza u oriġini. Din il-kantanta għamlet ukoll referenza għall-paċi u għall-bżonn ta’ iżjed għaqda.